MARK 14 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 14 Il-kapijiet jiftiehmu kontra Ġesù ( Mt 26,2-5 ; Lq 22,1-2 ; Ġw 11,34-53 ) 1 Kien għad baqa’ jumejn għall-Għid u għall-Ażżmi, u l-qassisin il-kbar u l-kittieba bdew ifittxu kif jaqbdu lil Ġesù bil-qerq ta’ moħħhom u jagħtuh il-mewt. 2 Għax bdew jgħidu: “Mhux fil-festa, li ma tqumx xi rewwixta fil-poplu.” Ġesù midluk f’Betanja ( Mt 26,6-13 ; Ġw 12,1-8 ) 3 Ġesù kien qiegħed jiekol għand Xmun il-lebbruż f’Betanja. Daħlet mara, b’vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ ta’ nard pur, jiswa ħafna, kissret għonq il-vażett, u ferrgħet iż-żejt fuq ras Ġesù. 4 U kien hemm xi wħud li bdew jitmasħnu bejniethom u jgħidu: “Dal-ħala kollu ta’ fwieħa għalfejn? 5 Dil-fwieħa setgħet iġġib aktar minn tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra.” U bdew jeħduha magħha. 6 Imma Ġesù qal: “Ħalluha; għala qegħdin iddejquha? Ħaġa tajba għamlet miegħi. 7 Il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u tistgħu tgħinuhom kull meta tridu. Imma lili mhux dejjem se ssibuni magħkom. 8 Hi għamlet li setgħet; dilkitli ġismi bil-fwieħa għad-difna minn qabel. 9 Tassew ngħidilkom, li kull fejn jixxandar l-Evanġelju fid-dinja kollha li għamlet din jingħad ukoll, b’tifkira tagħha.” It-tradiment ta’ Ġuda ( Mt 26,14-16 ; Lq 22,3-6 ) 10 Imbagħad Ġuda l-Iskarjota, wieħed mit-Tnax, mar għand il-qassisin il-kbar biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. 11 Għal din l-aħbar ferħu ħafna, u wegħduh li jagħtuh xi flus. U hu beda jfittex il-waqt tajjeb biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. Ġesù jagħmel l-ikla tal-Għid mad-dixxipli ( Mt 26,17-25 ; Lq 22,7-14 . 21-23 ; Ġw 13,21-30 ) 12 Fl-ewwel jum tal-Ażżmi, meta kienu jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid, id-dixxipli tiegħu qalulu: “Fejn tridna mmorru nħejju biex tiekol l-ikla tal-Għid?” 13 Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, 14 u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel, ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’ 15 U hu jurikom kamra kbira fuq, mgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk.” 16 U d-dixxipli marru u daħlu fil-belt, u sabu kollox kif kien qalilhom hu; u ħejjew l-ikla tal-Għid. 17 Għall-ħin ta’ filgħaxija Ġesù ġie mat-Tnax. 18 U kif kienu fuq il-mejda jieklu qal: “Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini, wieħed li qiegħed jiekol miegħi.” 19 Huma bdew isewdu qalbhom, u wieħed wara l-ieħor staqsewh: “Jaqaw jien?” 20 Qalilhom: “Wieħed mit-Tnax, li qiegħed ibill il-ħobż fi platt wieħed miegħi. 21 Għax Bin il-bniedem imur, kif hemm miktub fuqu; imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!” It-twaqqif tal-Ewkaristija ( Mt 26,26-29 ; Lq 22,15-20 ; 1 Kor 11,23-25 ) 22 Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi.” 23 Imbagħad ħa kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newwilhulhom, u lkoll xorbu minnu. 24 U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna. 25 Tassew ngħidilkom, li ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa dak in-nhar li nixrob inbid ġdid fis-Saltna ta’ Alla.” Ġesù jħabbar iċ-ċaħda ta’ Pietru ( Mt 26,30-35 ; Lq 22,31-34 ; Ġw 13,36-38 ) 26 Imbagħad kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. 27 U Ġesù qalilhom: “Ilkoll se titħawdu, għax hu miktub: ‘Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ jitferrxu’. 28 Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom.” 29 Qallu Pietru: “Ukoll jekk jitfixkel kulħadd, jiena ma nitfixkilx.” 30 Qallu Ġesù: “Tassew ngħidlek, li llum, dal-lejl stess, qabel ma s-serduk ikun idden darbtejn, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.” 31 Iżda Pietru tenna bil-qawwa kollha: “Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!” U l-oħrajn ukoll, kollha qalu l-istess. Ġesù jitlob fil-Ġetsemani ( Mt 26,36-46 ; Lq 22,39-46 ) 32 Waslu f’qasam jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob.” 33 U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq. 34 Qalilhom: “Inħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru.” 35 Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet fl-art, u talab li, jekk jista’ jkun titwarrab minnu dik is-siegħa. 36 U qal: “Abba, Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int.” 37 Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: “Xmun, rieqed? Ma flaħtx tishar siegħa waħda! 38 Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.” 39 U raġa’ mar u tenna l-istess talba. 40 Mill-ġdid ġie u għal darb’oħra sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x’jaqbdu jgħidulu. 41 Ġie għat-tielet darba u qalilhom: “Torqdu issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. 42 Qumu! Ejjew immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!” Ġesù ttradut u arrestat ( Mt 26,47-56 ; Lq 22,47-53 ; Ġw 18,2-11 ) 43 Minnufih, kif kien għadu jitkellem, wasal Ġuda, wieħed mit-Tnax, b’ġemgħa nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba u x-xjuħ. 44 Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal minn qabel u qalilhom: “Dak li nbusu huwa hu; aqbduh u morru bih mgħasses tajjeb.” 45 Malli mbagħad wasal, baqa’ sejjer fuqu u qallu, “Rabbi.” U biesu. 46 Huma meddew idejhom fuqu u qabduh. 47 Imma wieħed minn dawk ta’ madwaru silet is-sejf, ta daqqa bih lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. 48 Ġesù dar fuqhom u qalilhom: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! 49 Jien kuljum kont inkun fostkom fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix. Imma dan kollu ġara biex isseħħ l-Iskrittura.” 50 Imbagħad id-dixxipli tiegħu kollha telquh u ħarbu. 51 Wieħed żagħżugħ mar warajh imgeżwer b’liżar biss fuq xejn, u qabduh; 52 imma hu telqilhom il-liżar f’idejhom u ħarab għeri. Ġesù quddiem il-kunsill tas-Sinedriju ( Mt 26,57-68 ; Lq 22,54 . 63-71 ; Ġw 18,13-24 ) 53 Ħadu lil Ġesù għand il-qassis il-kbir, u nġabru l-qassisin il-kbar kollha u x-xjuħ u l-kittieba. 54 Pietru kien baqa’ miexi warajh mill-bogħod sa ġol-palazz tal-qassis il-kbir, u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja ħdejn in-nar għas-sħana. 55 Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollu bdew ifittxu xhieda kontra Ġesù biex jagħtuh il-mewt, u ma sabux. 56 Tassew li kien hemm ħafna li xehdu bil-qerq kontra tiegħu, imma x-xhieda tagħhom ma kinitx taqbel. 57 Imbagħad qamu xi wħud jagħtu xhieda qarrieqa kontra tiegħu u qalu: 58 “Aħna smajnieh jgħid, ‘Jiena nħott dan it-tempju mibni bl-idejn, u fi tlitt ijiem nibni ieħor li ma jkunx mibni bl-idejn!’ ” 59 Imma x-xhieda tagħhom anqas f’dan ma kienet taqbel. 60 Imbagħad il-qassis il-kbir qam f’nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù: “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?” 61 Iżda hu baqa’ sieket u ma wieġeb xejn. Mill-ġdid il-qassis il-kbir staqsieh u qallu: “Int il-Messija, Bin l-Imbierek?” 62 “Jiena hu,” wieġbu Ġesù, “u intom għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin tal-Qawwa u ġej fuq is-sħab tas-sema.” 63 Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat l-ilbies ta’ fuqu u qal: “Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda? 64 Id-dagħwa smajtuha! X’jidhrilkom?” U kollha qatgħuhielu li kien ħaqqu l-mewt. 65 Imbagħad xi wħud bdew jobżqulu fuqu, jgħattulu wiċċu, jagħtuh bil-ponn u jgħidulu: “Aqta’ min!” U l-qaddejja bdew jagħtuh bil-ħarta. Pietru jiċħad lil Ġesù ( Mt 26,69-75 ; Lq 22,55-62 ; Ġw 18,15-18 . 25-27 ) 66 Waqt li Pietru kien isfel ’il ġewwa mid-daħla tal-palazz, ġiet waħda qaddejja tal-qassis il-kbir. 67 Kif rat lil Pietru qiegħed għas-sħana, waħħlet għajnejha fuqu u qaltlu: “Int ukoll kont ma’ Ġesù ta’ Nazaret.” 68 Imma hu ċaħad u qal: “Ma nafx, m’iniex nifhem x’inti tgħid.” U ħareġ ’il barra fid-daħla tal-palazz. U s-serduk idden. 69 Il-qaddejja ratu, u reġgħet bdiet tgħid lil dawk li kienu hemm: “Dan wieħed minnhom.” 70 U mill-ġdid ċaħad. Wara ftit, dawk li kienu ħdejh reġgħu qalu lil Pietru: “Tassew, int wieħed minnhom; għax int ukoll mill-Galilija.” 71 Imbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef: “Jiena ma nafux lil dan il-bniedem li qegħdin issemmu.” 72 Minnufih is-serduk idden għat-tieni darba. Pietru ftakar fil-kelma li kien qallu Ġesù: ‘Qabel ma s-serduk jidden darbtejn, inti tiċħadni tliet darbiet.’ U nfexx jibki. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society