Online Bible

- Reklamy -

MARK 13 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 13 Ġesù jħabbar it-tiġrif tat-tempju
( Mt 24,1-3 ; Lq 21,5-7 )

1 Hu u ħiereġ mit-tempju, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Ara, Mgħallem, x’ġebel dan, x’bini!”

2 Qallu Ġesù: “Qiegħed tarah dan il-bini kollu? Ma tibqax ġebla fuq oħra, li ma tiġġarrafx.”


Il-bidu tat-tbatijiet
( Mt 24,3-14 ; Lq 21,7-19 )

3 Kif kien qiegħed fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, biswit it-tempju, Pietru, Ġakbu, Ġwanni u Indrì resqu jistaqsuh għalihom waħedhom:

4 “Għidilna dan meta għad jiġri u x’se jkun is-sinjal li dan kollu jkun wasal!”

5 Beda mbagħad Ġesù jgħidilhom: “Araw li ħadd ma jqarraq bikom.

6 Għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu’, u jqarrqu b’ħafna nies.

7 Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u xnigħat ta’ gwerer, xejn titħawdu. Dan jeħtieġ li jiġri, imma jkun għadu mhuwiex it-tmiem.

8 Għax għad iqumu ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż f’ħafna bnadi, u jkun hawn ġuħ kbir. Dan ikun il-bidu tat-tbatijiet tal-ħlas.

9 Oqogħdu attenti! Għad jagħtukom f’idejn il-qrati, isawtukom fis-sinagogi, u titilgħu quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom.

10 Għax l-ewwel jeħtieġ li l-Evanġelju jkun imxandar lill-ġnus kollha.

11 “U meta jeħdukom biex jitilqukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom xi tkunu se tgħidu, iżda tkellmu kif tkunu mnebbħin dak il-ħin stess; għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu s-Santu.

12 L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt.

13 U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva.


L-hemm il-kbir
( Mt 24,15-25 ; Lq 21,20-24 )

14 “Meta mbagħad taraw il-profanazzjoni u l-ħerba fit-tempju fejn ma għandhiex tkun - ħa jifhem min jaqra! - ħa jaħarbu mbagħad lejn l-għoljiet dawk li jkunu fil-Lhudija;

15 u min ikun fuq il-bejt, ara li ma jinżilx biex jidħol ġewwa jieħu xi ħaġa mid-dar;

16 anqas min ikun fir-raba’ ma għandu jerġa’ lura biex jieħu l-mantar tiegħu.

17 Jaħasra għalihom in-nisa li f’dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu!

18 Itolbu li dan kollu ma jiġrix fix-xitwa.

19 Għax dawk il-jiem ikunu ta’ dwejjaq li mill-bidu tad-dinja li ħalaq Alla sal-lum għadu qatt ma kien hawn bħalhom u anqas ikun hawn.

20 U kieku dawk il-jiem il-Mulej ma qassarhomx, ħadd mill-bnedmin ma kien isalva. Iżda minħabba l-maħturin li għażel huwa qassarhom dawk il-jiem.

21 Jekk mela xi ħadd jgħidilkom, ‘Ara, hawn hu l-Messija’, jew, ‘Hemm qiegħed, ara’, la temmnuhx.

22 Għax għad jitfaċċaw ħafna messijiet foloz u profeti foloz, u jibdew jagħmlu sinjali, u għeġubijiet biex iqarrqu, jekk jista’ jkun, mqar bil-maħturin.

23 Għalhekk oqogħdu attenti; għedtilkom kollox minn qabel.


Il-miġja ta’ Bin il-bniedem
( Mt 24,29-31 ; Lq 21,25-27 )

24 “Imma f’dawk il-jiem, wara dawk id-dwejjaq, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu,

25 il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

26 Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja.

27 U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.


Tagħlima mis-siġra tat-tin
( Mt 24,32-36 ; Lq 21,29-33 )

28 “Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib.

29 Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb.

30 Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu.

31 Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.

32 “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier.


Ħadd ma jaf il-jum u s-siegħa
( Mt 24,36-44 )

33 “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt.

34 Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.

35 Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofs il-lejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ,

36 li ma jmurx jiġi għal għarrieda u jsibkom reqdin.

37 U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy