Online Bible

- Reklamy -

MARK 12 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 12 Il-parabbola tal-għalqa u l-bdiewa
( Mt 21,33-46 ; Lq 20,9-19 )

1 U beda jkellimhom bil-parabboli: “Kien hemm raġel li ħawwel għalqa bid-dwieli; tella’ ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, bnielha torri, u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

2 Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand dawk il-bdiewa biex jiġborlu mingħandhom is-sehem li kien imiss lilu mill-frott tal-għalqa.

3 Iżda huma qabduh, sawtuh, u bagħtuh lura idu f’idu.

4 Raġa’ bagħtilhom qaddej ieħor, u lil dan ukoll tawh fuq rasu u ġiebu ruħhom ħażin ħafna miegħu.

5 Bagħtilhom ieħor, u lil dan qatluh. Hekk ukoll bosta oħrajn; lil xi wħud minnhom sawtuhom, u lil xi oħrajn qatluhom.

6 Kien baqagħlu wieħed ieħor, ibnu l-għażiż. Fl-aħħar bagħtilhom lilu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal.

7 Iżda dawk il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, u l-wirt tiegħu jaqa’ fuqna.’

8 Qabduh u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa.

9 X’jagħmel sid l-għalqa? Jiġi u jeqred il-bdiewa, u l-għalqa jqabbilha lil ħaddieħor.

10 Anqas din l-Iskrittura ma qrajtu, ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka:

11 bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan; ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?”

12 Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, għax fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom; imma beżgħu min-nies, u għalhekk ħallewh u telqu.


Ġesù mistoqsi dwar il-ħlas tat-taxxi
( Mt 22,15-22 ; Lq 20,20-26 )

13 Imbagħad bagħtulu xi Fariżej u Erodjani biex jonsbuh f’xi kelma.

14 Ġew u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li inti raġel tħobb is-sewwa u li ma tħabbel rasek b’ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares, imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi. Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?

15 Għandna jew ma għandniex inħallsuha?” Imma hu ntebaħ bil-wiċċ b’ieħor tagħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu tinbxuni? Newluli dinar ħa narah.”

16 Newlulu dinar, u hu staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?” Qalulu: “Ta’ Ċesari!”

17 Qalilhom imbagħad Ġesù: “Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.” U stagħġbu ħafna bih.


Ġesù mistoqsi dwar il-qawmien mill-imwiet
( Mt 22,23-33 ; Lq 20,27-40 )

18 Mela resqu lejh xi Sadduċej, li jgħidu li ma hemmx qawmien mill-imwiet, u għamlulu din il-mistoqsija:

19 “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub li, jekk wieħed imutlu ħuh u dan iħalli warajh lil martu bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla hu biex inissel ulied għal ħuh.

20 Mela jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla ma ħalla tfal.

21 It-tieni wieħed iżżewweġ l-armla, miet, u anqas hu ma ħalla wlied; hekk ukoll it-tielet,

22 u ħadd minnhom is-sebgħa ma ħalla wlied. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll.

23 Issa fil-qawmien tal-imwiet, meta jqumu lkoll, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha.”

24 Qalilhom Ġesù: “U mhux għalhekk tiżbaljaw intom? Għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta’ Alla!

25 Għax il-bnedmin, meta jqumu mill-imwiet, la jiżżewġu u lanqas iżewġu, imma jkunu bħall-anġli fis-smewwiet.

26 Għal dak imbagħad li hu qawmien mill-imwiet, fil-ktieb ta’ Mosè, fejn jissemma l-għollieq, ma qrajtux kif Alla qallu: Jiena Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb?

27 Alla mhux tal-mejtin, iżda tal-ħajjin! Sejrin żball għall-aħħar.”


Il-kmandament il-kbir
( Mt 22,34-40 ; Lq 10,25-28 )

28 Wieħed mill-kittieba semagħhom jitlewmu bejniethom, u, meta ra kemm Ġesù kien weġibhom tajjeb, resaq fuqu u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”

29 Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu,

30 u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.

31 U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.”

32 Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu.

33 Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.”

34 Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla.” U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.


Il-Messija Sid David
( Mt 22,41-46 ; Lq 20,41-44 )

35 Darba, hu u jgħallem fit-tempju, Ġesù qabad u qal: “Din kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David!

36 David stess, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, qal, ‘Il-Mulej qal lil Sidi: Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek taħt riġlejk.’

37 Jekk David stess sejjaħlu Sidu, mela kif inhu ibnu?” U dik il-kotra kbira ta’ nies qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha.


Ġesù jikkundanna l-ipokrisija tal-kittieba
( Mt 23,6-36 ; Lq 11,37-54 ; 20,45-47 )

38 Hu u jgħallimhom qal ukoll: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez,

39 u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet;

40 iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.”


L-offerta tal-armla
( Lq 21,1-4 )

41 Kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna.

42 Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi tliet ħabbiet.

43 Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor.

44 Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy