Online Bible

- Reklamy -

MARK 11 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 11 Id-daħla messjanika f’Ġerusalemm
( Mt 21,1-11 ; Lq 19,28-40 ; Ġw 12,12-16 )

1 Xħin waslu qrib Ġerusalemm, quddiem Betfaġe u Betanja, ħdejn l-Għolja taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu

2 u qalilhom: “Morru fir-raħal li hemm biswitkom, u kif taslu hemmhekk issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh.

3 Jekk xi ħadd jistaqsikom, ‘Dan kif qegħdin tagħmluh?’ għidulu, ‘Il-Mulej jeħtieġu, u malajr jerġa’ jibagħtu hawn.’ ”

4 Marru, u sabu felu marbut ħdejn bieb barra fit-triq; u ħallewh.

5 Xi wħud minn dawk li kienu hemm qalulhom: “X’intom tħolluh tagħmlu dak il-felu?”

6 Huma weġbuhom kif kien qalilhom Ġesù, u dawk ħallewhom jagħmlu.

7 Ħadu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u Ġesù rikeb fuqu.

8 U bosta nies firxu fit-triq l-imnatar tagħhom, u oħrajn xi friegħi ħodor li kienu qatgħu mill-għelieqi.

9 U kemm dawk li kienu miexja quddiem u kemm dawk li kienu miexja wara, bdew jgħajtu: “Hosanna! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!

10 Imbierka s-Saltna li ġejja ta’ David missierna. Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”

11 Daħal Ġerusalemm u baqa’ sejjer fit-tempju, ta ħarsa madwaru, u mbagħad, billi kien ġa sar il-ħin, ħareġ biex imur Betanja mat-Tnax.


Is-siġra tat-tin misħuta
( Mt 21,18-19 )

12 L-għada, kif ħarġu minn Betanja, ħadu l-ġuħ.

13 Mill-bogħod lemaħ siġra tat-tin kollha weraq, u mar jara jsibx xi ħaġa fiha. Imma, kif resaq ħdejha, ma sabilha xejn ħlief weraq, għax it-tin kien għadu m’huwiex żmienu.

14 U qalilha: “Qatt iżjed ma jkun hawn min jiekol frott minnek għal li ġej!” U d-dixxipli tiegħu semgħuh.


Il-qdusija tat-tempju
( Mt 21,12-17 ; Lq 19,45-48 ; Ġw 2,14-16 )

15 U waslu Ġerusalemm. Kif daħal fit-tempju, qabad ikeċċi l-bejjiegħa u x-xerrejja li kien hemm fit-tempju, qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta’ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem,

16 u ma ħalla lil ħadd mgħobbi b’xi ħaġa jaqsam mit-tempju.

17 U beda jgħallimhom u jgħidilhom: “Ma hemmx miktub li d-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb għall-ġnus kollha? Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!”

18 Dan wasal f’widnejn il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u bdew jaraw x’jagħmlu biex jeqirduh; għax huma kienu jibżgħu minnu, billi l-poplu kollu kien mimli bil-għaġeb għat-tagħlim tiegħu.

19 Filgħaxija mbagħad ħarġu barra mill-belt.


Tagħlima mis-siġra mnixxfa
( Mt 21,20-22 )

20 Filgħodu kmieni, huma u għaddejjin minn hemm, raw is-siġra tat-tin imnixxfa sa mill-għeruq.

21 Pietru ftakar, u qallu: “Ara Rabbi, it-tina li sħett int nixfet!”

22 U Ġesù wieġeb u qalilhom: “Emmnu f’Alla.

23 Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja, ‘Intrefa’ u nxteħet il-baħar’, bla ma joqgħod jitħasseb f’qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur.

24 Għalhekk ngħidilkom: kulma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom.

25 U meta tkunu weqfin titolbu, jekk ikollkom xi ħaġa kontra xi ħadd, aħfru, biex ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom.”


Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta’ Ġesù
( Mt 21,23-27 ; Lq 20,1-8 )

27 Mill-ġdid marru Ġerusalemm. Kif kien qiegħed idur fit-tempju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba u x-xjuħ

28 u staqsewh: “Int b’liema setgħa qiegħed tagħmlu dan kollu? U min tahielek din is-setgħa biex tagħmlu?”

29 “Ħa nagħmlilkom mistoqsija waħda jien,” qalilhom Ġesù, “weġbuni għaliha, u ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan kollu.

30 Il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet ħaġa ġejja mis-sema jew mill-bnedmin? Weġbuni.”

31 Dawk, bejnhom u bejn ruħhom, bdew jirraġunaw u jgħidu: “Jekk inweġbuh, ‘Mis-sema’, jgħidilna, ‘Mela għaliex ma emmintuhx?’

32 Mela ngħidulu ‘Mill-bnedmin’?” Huma kienu jibżgħu min-nies, għax kulħadd kien iżomm li Ġwanni kien tabilħaqq profeta.

33 Għalhekk lil Ġesù weġbuh u qalulu: “Ma nafux.” U Ġesù qalilhom: “Mela anqas jien ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy