LUQA 9 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 9 Il-missjoni tat-Tnax ( Mt 10,5-15 ; Mk 6,7-13 ) 1 Sejjaħ lit-Tnax madwaru u tahom qawwa u setgħa fuq ix-xjaten kollha u li jfejqu l-mard 2 U bagħathom ixandru s-Saltna ta’ Alla u jfejqu l-morda. 3 U qalilhom: “Tieħdu xejn magħkom għat-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus, u lanqas ma jkollkom żewġ ilbiesi. 4 Jekk tidħlu f’xi dar, ibqgħu hemm sa ma tiġu biex titilqu. 5 Jekk ma jilqgħukomx, oħorġu minn dik il-belt u farfru sa t-trab tagħha minn ma’ riġlejkom bħala xhieda kontrihom.” 6 Ħarġu, mela, u bdew iduru l-irħula jxandru l-Evanġelju u jfejqu l-morda kullimkien. Erodi mħasseb ( Mt 14,1-12 ; Mk 6,14-29 ) 7 Dawn il-ġrajja kollha waslu f’widnejn Erodi t-tetrarka u beda jitħasseb, għaliex xi wħud kienu qegħdin jgħidu li Ġwanni qam mill-imwiet, 8 waqt li oħrajn qalu li deher Elija, u oħrajn li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi. 9 Iżda Erodi qal: “Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?” U beda jfittex li jarah. Ġesù jitma’ ħamest elef ( Mt 14,13-21 ; Mk 6,30-44 ; Ġw 6,1-13 ) 10 L-appostli reġgħu lura għand Ġesù u qalulu x’kienu għamlu; imbagħad ħadhom miegħu u nġabar magħhom qrib belt jisimha Betsajda. 11 Imma l-folol saru jafu u marru warajh. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. 12 Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab.” 13 Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!” 14 Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin.” 15 Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda. 16 Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. 17 U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa. Pietru jistqarr il-fidi f’Ġesù ( Mt 16,13-20 ; Mk 8,27-29 ) 18 Darba, waqt li kien qiegħed jitlob waħdu, kien hemm miegħu d-dixxipli tiegħu, u hu staqsiehom: “Min jgħidu n-nies li jien?” 19 Huma weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi.” 20 Qalilhom: “Imma intom min tgħidu li jien!” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla.” L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien ( Mt 16,20-28 ; Mk 8,30—9,1 ) 21 Imbagħad ikkmandahom u qalilhom ħafna biex ma jgħidu lil ħadd b’dan. 22 U qalilhom: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.” 23 Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. 24 Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. 25 Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered? 26 Għax jekk xi ħadd jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll jistħi minnu meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u tal-anġli mqaddsa. 27 Tassew, ngħidilkom, xi wħud minn dawk li qegħdin hawn ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw is-Saltna ta’ Alla.” It-Trasfigurazzjoni ( Mt 17,1-9 ; Mk 9,2-10 ) 28 Daqs tmint ijiem wara dan id-diskors, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u ’l Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. 29 U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex. 30 U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, 31 li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. 32 Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. 33 Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Ma kienx jaf x’inhu jgħid. 34 Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. 35 U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu.” 36 Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw. Ġesù jfejjaq tifel maħkum mix-xitan ( Mt 17,14-18 ; Mk 9,14-27 ) 37 L-għada, huma u neżlin minn fuq il-muntanja, marru jilqgħuh ħafna nies. 38 U wieħed raġel mill-folla rafa’ leħnu u qallu: “Mgħallem, nitolbok, ħares ħarsa lejn ibni, għax lilu biss għandi. 39 Ara, l-ispirtu jaqbdu u minnufih jibda jgħajjat, ikagħwġu mal-art kollu ragħwa, u jħallih imfarrak wara tbatija kbira biex joħroġ minnu. 40 Tlabt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, iżda ma setgħux.” 41 Wieġeb Ġesù u qal: “Ja nies bla fidi u ħżiena, kemm se ndum magħkom u nissaportikom? Ġibli lil ibnek hawn.” 42 Huwa u riesaq, ix-xitan beda jsabbtu u jkagħwġu mal-art. Imma Ġesù hedded ħafna lill-ispirtu mniġġes, fejjaq lit-tifel, u raġa’ tah lil missieru. 43 U kulħadd tnixxef bil-għaġeb quddiem dan il-kobor liema bħalu ta’ Alla. Imma waqt li kulħadd kien qiegħed jistagħġeb b’kulma kien qiegħed jagħmel, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien ( Mt 17,22-23 ; Mk 9,30-32 ) 44 “Iftħu widnejkom sewwa għal dawn il-kelmiet: Bin il-bniedem għandu jkun mogħti f’idejn il-bnedmin.” 45 Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u baqa’ mistur għalihom hekk li ma qabdu xejn minnu, u beżgħu jistaqsuh dwar dak li kien qal. Min hu l-akbar fis-Saltna ta’ Alla ( Mt 18,1-5 ; Mk 9,33-37 ) 46 Qamet kwistjoni bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. 47 Ġesù għaraf x’kellhom f’moħħhom, u ressaq tifel żgħir lejh, qiegħdu maġenbu, 48 u qalilhom: “Min jilqa’ lil dan it-tifel żgħir minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ lil dak li bagħatni. Għax min hu l-iżgħar fostkom ilkoll, dak hu l-kbir.” Min mhuwiex kontra tagħkom hu magħkom ( Mk 9,38-40 ) 49 Qabeż Ġwanni u qallu: “Mgħallem, rajna wieħed ikeċċi x-xjaten f’ismek, u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.” 50 Imma Ġesù qallu: “La żżommuhx, għax min mhuwiex kontra tagħkom, huwa magħkom.” Is-Samaritani ma jilqgħux lil Ġesù 51 Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. 52 U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. 53 Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. 54 Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” 55 Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. 56 U marru f’raħal ieħor. X’jistenna Ġesù mid-dixxipli tiegħu ( Mt 8,18-22 ) 57 Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.” 58 U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” 59 Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja.” Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.” 60 Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.” 61 U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar.” 62 Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society