Online Bible

- Reklamy -

LUQA 8 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 8 In-nisa twajba li marru wara Ġesù

1 Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Kellu miegħu t-Tnax

2 u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu seba’ xjaten,

3 Ġwanna, mart Ħusa, prokuratur ta’ Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.


Il-parabbola taż-żerriegħ

4 Inġemgħet kotra kbira ta’ nies li kienu ġejjin lejh minn kull belt, u hu qalilhom din il-parabbola:

5 “Wieħed bidwi ħareġ jiżra’ ż-żerriegħa li kellu. Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħulu mal-mogħdija u ntrifsu, u l-għasafar tal-ajru naqqruhom kollha.

6 Oħrajn waqgħu fuq il-blat, u nibtu u nixfu, għax tira ma kellhomx.

7 Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom.

8 Oħrajn waqgħu f’art tajba, u nibtu u għamlu l-frott kull waħda mija.” Kif qal dan, rafa’ leħnu u qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!”


L-iskop tal-parabboli
( Mt 13,10-17 ; Mk 4,10-12 )

9 Id-dixxipli tiegħu staqsewh x’kienet dik il-parabbola.

10 U hu qalilhom: “Lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna ta’ Alla, iżda lill-bqija bil-parabboli, biex iħarsu u ma jarawx, u jisimgħu u ma jifhmux.


Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ
( Mt 13,18-23 ; Mk 4,13-20 )

11 “Il-parabbola, mela, hija din; iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla.

12 Dawk ta’ matul il-mogħdija huma dawk li jisimgħu, imbagħad jiġi x-Xitan u jaħtfilhom il-kelma minn qalbhom, li ma jmorrux jemmnu u jsalvaw.

13 Dawk ta’ fuq il-blat huma dawk li, meta jisimgħu l-kelma, jilqgħuha bil-ferħ, iżda billi ma jkollhomx għeruq jemmnu għal ftit taż-żmien, u meta jiġi fuqhom it-tiġrib jitilqu.

14 Dawk li jaqgħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu, iżda aktar ’il quddiem l-inkwiet żejjed u l-għana u l-pjaċiri tal-ħajja joħonquhom u l-frott tagħhom ma jsirx.

15 Imma dawk li jaqgħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma b’qalb tajba u sinċiera, jgħożżuha, u jagħmlu l-frott billi jżommu sħiħ.


Il-parabbola tal-musbieħ
( Mk 4,21-22 )

16 “Ħadd ma jixgħel musbieħ u jgħattih b’għatu jew iqiegħdu taħt sodda, imma jqiegħdu fuq l-imnara, biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl.

17 Għax ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u xejn ma hemm mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl.

18 Mela oqogħdu attenti kif tisimgħu! Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li jaħseb li għandu.”


Omm Ġesù u ħutu
( Mt 12,46-50 ; Mk 3,31-35 )

19 Ġew għalih ommu u ħutu, iżda ma setgħux jersqu lejh minħabba l-folla.

20 Xi ħadd qallu: “Ommok u ħutek qegħdin hawn barra u jridu jarawk.”

21 Iżda hu weġibhom: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu li jgħid Hu.”


Ġesù jsikket it-tempesta
( Mt 8,18 . 23-27 ; Mk 4,35-41 )

22 Darba fost l-oħrajn tela’ fuq id-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor tal-għadira.” U qadfu ’l barra.

23 Huma u sejrin, marret għajnu bih. U qam riefnu kbir fuq l-għadira, id-dgħajsa bdiet timtela bl-ilma, u sabu ruħhom f’qagħda mwiegħra.

24 Għalhekk resqu lejh, qajmuh u qalulu: “Mgħallem, Mgħallem, se nintilfu!” Hu qam, ordna lir-riħ u lill-mewġ imqalleb, u dawn siktu u waqgħet il-kalma.

25 U qal lid-dixxipli: “Fejn hi l-fidi tagħkom?” Qabadhom il-biża’, u mistagħġba bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex jordna saħansitra lill-irjieħ u lill-baħar u huma jisimgħu minnu!”


Fejqan ta’ raġel bi spirtu mniġġes
( Mt 8,28-34 ; Mk 5,1-20 )

26 Waslu x-xatt u niżlu fl-art tal-Gerasin li tiġi biswit il-Galilija.

27 Huwa u nieżel l-art, resaq raġel minn dik il-belt, maħkum mix-xitan. Kien ilu żmien twil ma jxidd libsa fuqu, u ma kienx joqgħod id-dar, imma qalb l-oqbra.

28 Kif lemaħ lil Ġesù qabad jgħajjat, inxteħet quddiemu u b’leħen qawwi qallu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Nitolbok, taħqarnix!”

29 Għax Ġesù kien ġa kkmanda lill-ispirtu mniġġes biex joħroġ minn dak il-bniedem. Għax bosta drabi kien jaħkmu, u n-nies kienu jorbtuh bil-ktajjen u bix-xkiel biex iżommuh, iżda hu kien iqaċċat l-irbit u x-xitan kien jimbuttah lejn id-deżert.

30 Ġesù staqsieh: “X’jismek?” “Leġjun,” qallu, għax ħafna xjaten kienu daħlu fih.

31 U beda jitolbu biex ma jordnalhomx imorru fl-abbissi.

32 Mela kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer jirgħu fuq l-għolja, u l-ispirti talbuh biex iħallihom jidħlu fihom; u hu ħalliehom.

33 U x-xjaten ħarġu minn dak il-bniedem u daħlu fil-ħnieżer. U l-merħla nxteħtet għal ġol-għadira mill-għoli tax-xaqliba u għerqet.

34 Ir-rgħajja, meta raw x’ġara, ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet.

35 In-nies ħarġu jaraw x’ġara u marru ħdejn Ġesù, u lil dak ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten sabuh bilqiegħda f’riġlejn Ġesù, liebes u moħħu f’sikktu; u qabadhom il-biża’.

36 In-nies li raw x’ġara qalulhom kif Ġesù fejjaq lil dak li kien maħkum mix-xitan.

37 Imbagħad in-nies kollha tal-inħawi ta’ Gerasa bdew jitolbu lil Ġesù biex iwarrab minn ħdejhom, għax biża’ kbir kien waqa’ fuqhom. U hu tela’ fuq id-dgħajsa u reġa’ lura.

38 Ir-raġel li minnu kienu ħarġu x-xjaten talbu biex jibqa’ miegħu, iżda hu bagħtu u qallu:

39 “Erġa’ lura lejn id-dar u għarraf kulma għamel Alla miegħek.” Dak telaq u xandar mal-belt kollha kulma kien għamel miegħu Ġesù.


Bint Ġajru mqajma mill-mewt u l-mara mfejqa
( Mt 9,18-26 ; Mk 5,21-43 )

40 Meta raġa’ lura Ġesù, il-kotra laqgħetu, għax kulħadd kien qiegħed jistennieh.

41 U ġie wieħed, jismu Ġajru, li kien kap tas-sinagoga, inxteħet f’riġlejn Ġesù u talbu jasal wasla sa għandu,

42 għax kienet qiegħda tmutlu bintu, tifla ta’ xi tnax-il sena, li ma kellux ħliefha. Huwa u sejjer in-nies bdew irossu fuqu.

43 U kien hemm mara, li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm; kienet ħliet ġidha kollu fit-tobba u ħadd minnhom ma kellu ħila jfejjaqha;

44 resqet lejn Ġesù minn warajh u messitlu t-tarf tal-libsa, u minnufih it-tnixxija tad-demm waqfitilha.

45 U Ġesù qal: “Min messni?” Kulħadd ċaħad li kien messu, u Pietru qallu: “Mgħallem, in-nies qegħdin jagħfsu fuqek u jrossu madwarek.”

46 Imma Ġesù qal: “Xi ħadd messni, għax ħassejt li xi qawwa ħarġet minni.”

47 Il-mara, meta rat li ma setgħetx tinħeba, resqet b’rogħda fuqha, inxteħtet quddiemu, u stqarritlu quddiem kulħadd l-għala kienet messitu u kif fieqet minnufih.

48 U hu qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliema.”

49 Kif kien għadu jitkellem, wasal wieħed mid-dar tal-kap tas-sinagoga u qallu: “Bintek mietet; tħabbtux iżjed lill-Imgħallem.”

50 Iżda Ġesù, meta sama’ dan, qal lill-kap: “Tibżax, biss inti emmen, u hi tfiq.”

51 Wasal id-dar, u ma ħalla lil ħadd jidħol miegħu ħlief lil Pietru u ’l Ġwanni u ’l Ġakbu, u lil missier it-tifla u ’l ommha.

52 Kulħadd kien qiegħed jibkiha u jħabbat fuq sidru minħabba fiha. U hu qalilhom: “Tibkux, għax m’hijiex mejta, imma rieqda”.

53 U qabdu jiddieħku bih, għax kienu jafu li mietet.

54 Imma hu qabdilha idha u b’leħen qawwi qalilha: “Tifla, qum!”

55 U reġgħet daħlet ruħha fiha, u minnufih qamet, u hu ordnalhom jagħtuha tiekol.

56 Il-ġenituri tagħha stagħġbu għall-aħħar, imma hu wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd b’li ġara.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy