Online Bible

- Reklamy -

LUQA 7 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 7 Ġesù jfejjaq qaddej ta’ ċenturjun
( Mt 8,5-13 ; Ġw 4,46-54 )

1 Meta spiċċa jgħid lin-nies kulma kellu jgħidilhom, daħal Kafarnahum.

2 U jkun hemm ċenturjun li kellu qaddej għażiż ħafna għalih, li kien marid u wasal fl-aħħar.

3 Iċ-ċenturjun sama’ b’Ġesù u bagħatlu xi wħud mix-xjuħ tal-Lhud biex jitolbuh jiġi jfejjaqlu l-qaddej.

4 Dawk marru quddiem Ġesù u bdew jitolbuh b’ħerqa kbira u jgħidulu: “Jixraqlu li tagħmillu dan,

5 għax hu jgħożż il-ġens tagħna, u kien hu li bnielna s-sinagoga.”

6 Ġesù mar magħhom, u ma kienx ’il bogħod wisq mid-dar meta ċ-ċenturjun bagħat jgħidlu ma’ xi ħbieb: “Sinjur, toqgħodx tinqala’, għax jien ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi;

7 għalhekk ħassejt li anqas kien jistħoqqli niġi nsibek jiena stess. Iżda int ordna b’kelma, u l-qaddej tiegħi jfiq.

8 Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jiena stess għandi suldati taħt il-kmand tiegħi; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur,’ u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja,’ u jiġi; u lill-qaddej ngħidlu, ‘Agħmel dan,’ u jagħmlu.”

9 Ġesù baqa’ mistagħġeb bih meta sama’ dan; dar lejn in-nies li kienu miexja warajh u qalilhom: “Ngħidilkom li anqas f’Iżrael ma sibt fidi bħal din!”

10 Meta mbagħad dawk li kienu mibgħuta reġgħu lura d-dar, sabu l-qaddej qawwi u sħiħ.


Ġesù jqajjem lil bin l-armla ta’ Najn mill-mewt

11 Wara dan imbagħad mar f’belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta’ nies.

12 Kif wasal qrib il-bieb tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta’ nies mill-belt.

13 Kif raha l-Mulej tħassarha. “Tibkix,” qalilha.

14 Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!”

15 U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu.

16 In-nies kollha tkexkxu bil-biża’, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Profeta kbir qam fostna,” u, “Alla żar il-poplu tiegħu.”

17 U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.


Il-messaġġiera ta’ Ġwanni l-Battista
( Mt 11,2-19 )

18 Id-dixxipli ta’ Ġwanni marru jwasslulu dan kollu. Hu sejjaħ tnejn minnhom maġenbu,

19 u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”

20 Kif dawk it-tnejn waslu ħdejh qalulu: “Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”

21 Dak il-ħin stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl.

22 Imbagħad wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu; kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar.

23 Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!”

24 Xħin il-messaġġiera ta’ Ġwanni telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ?

25 Imma intom xi ħriġtu taraw? Raġel liebes l-ilbies fin? Dawk li jilbsu sabiħ, u jgħixu fit-tlellix, fil-palazzi tas-slaten issibhom!

26 Mela għalfejn ħriġtu? Biex taraw profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta.

27 Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-messaġġier tiegħi biex iħejjilek it-triq quddiemek.’

28 Ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ma hemm ħadd akbar minn Ġwanni. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna ta’ Alla hu akbar minnu.”

29 Meta semgħu dan, il-poplu kollu u sa l-istess pubblikani għarfu l-ġustizzja ta’ Alla, billi tgħammdu bil-magħmudija ta’ Ġwanni.

30 Imma l-Fariżej u l-għorrief tal-Liġi ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal għalihom, ladarba ma laqgħux il-magħmudija ta’ Ġwanni.

31 “Ma’ min, mela, se nxebbahhom in-nies ta’ dan iż-żmien? Lil min jixbhu?

32 Jixbhu lil qabda tfal bilqiegħda fil-pjazza, jgħajtu lil xulxin u jgħidu, ‘Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux, għannejnielkom għanja ta’ niket u ma ħabbattux fuq sidirkom!’

33 Għax tassew, ġie Ġwanni l-Battista, la jiekol ħobż u lanqas jixrob inbid, u intom tgħidu li ‘għandu fih xitan’.

34 Ġie Bin il-bniedem, jiekol u jixrob, u tgħidu, ‘Araw, xi bniedem wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin!’

35 Imma l-ulied ta’ Alla kollha taw raġun lill-għerf tiegħu.”


Ġesù għand Xmun il-Fariżew

36 Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel.

37 Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ;

38 u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; imbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ.

39 Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!”

40 Imma Ġesù qabad u qallu: “Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.” “Għid, mgħallem,” qallu dak.

41 “Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin.

42 Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?”

43 Wieġeb Xmun u qal: “Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.” “Ħsibtha tajjeb,” qallu Ġesù.

44 Imbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha.

45 Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja.

46 Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ.

47 Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.”

48 Imbagħad qal lilha: “Dnubietek maħfura.”

49 Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?”

50 Iżda hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy