Online Bible

- Reklamy -

LUQA 6 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 6 Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt
( Mt 12,1-8 ; Mk 2,23-28 )

1 Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu bdew jaqtgħu s-sbul, ifarrkuh b’idejhom u jikluh.

2 Xi wħud mill-Fariżej qalulhom: “Dan kif qegħdin tagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?”

3 Qabeż Ġesù u weġibhom: “Anqas dan ma qrajtu, x’għamel David meta ħadu l-ġuħ, huwa u dawk li kienu miegħu?

4 Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u ħa l-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, u kiel minnu hu u ta lil dawk li kienu miegħu? U madankollu ħadd ma kien jista’ jiekol minnu ħlief il-qassisin biss!”

5 U qalilhom: “Bin il-bniedem huwa sid is-Sibt ukoll.”


Ir-raġel b’idu niexfa
( Mt 12,9-14 ; Mk 3,1-6 )

6 F’Sibt ieħor daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel li kellu idu l-leminija niexfa.

7 Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw jekk ifejjaqx f’jum is-Sibt, ħalli b’hekk isibu fuqiex jixluh.

8 Iżda hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, u oħroġ fin-nofs.” Dak qam u ħareġ fin-nofs.

9 U qalilhom Ġesù: “Ħa nistaqsikom ħaġa: X’jiswa nhar ta’ Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?”

10 U xeħet ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: “Midd idek.” Hekk għamel dak, u idu reġgħet saritlu qawwija u sħiħa.

11 Iżda huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x’se jagħmlu b’Ġesù.


Ġesù jagħżel it-Tnax
( Mt 10,1-4 ; Mk 3,13-19 )

12 Mela darba fost l-oħrajn ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla.

13 Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli:

14 Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew,

15 Mattew, Tumas, Ġakbu ta’ Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ,

16 Ġuda ta’ Ġakbu u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.


Ġesù jgħin u jaqdi folol kbar
( Mt 4,23-25 ; Mk 3,7-12 )

17 Imbagħad niżel magħhom u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon.

18 Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat mill-ispirti mniġġsa kien ifiq;

19 u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.


Hena veru u hena qarrieq
( Mt 5,1-12 )

20 Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla.

21 Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew.

22 Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.

23 Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

24 Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh.

25 Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku.

26 Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!


L-imħabba tal-għedewwa
( Mt 5,38-48 ; 7,12a )

27 “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom,

28 bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom.

29 Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu.

30 Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura.

31 Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom.

32 Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom.

33 U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin.

34 U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom.

35 Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena.

36 Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.


Tiġġudikawx
( Mt 7,1-5 )

37 “Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra;

38 agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom.”

39 Qalilhom parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra?

40 Id-dixxiplu m’huwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu.

41 Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?

42 Kif tista’ tgħidlu lil ħuk, ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk.


Is-siġra tingħaraf mill-frott
( Mt 7,16-20 ; 12,34b-35 )

43 “Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb.

44 Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq.

45 Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm.


Sisien tajba u sisien ħżiena
( Mt 7,24-27 )

46 “Għaliex issejħuli, ‘Mulej,’ u mbagħad ma tagħmlux dak li ngħid jien?

47 Kull min jiġi għandi u jisma’ kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min jixbah.

48 Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat, u fuqu qiegħed is-sisien. Imbagħad għamlet xita bil-qliel, il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuq dik id-dar, imma ma setax jheżiżha, għax kienet mibnija tajjeb.

49 Iżda min jisma’ kliemi u ma jagħmilx li ngħid jien, jixbah lil wieħed li jkun bena daru fuq l-art mingħajr ma qiegħed sisien. Il-wied niżel b’qawwa kbira għal fuqha u minnufih iġġarrfet, u saret ħerba kbira minn dik id-dar!”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy