LUQA 5 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 5 Ġesù jsejjaħ l-ewwel dixxipli ( Mt 4,18-22 ; Mk 1,16-20 ) 1 Darba l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. 2 U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. 3 Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. 4 Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.” 5 Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.” 6 Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. 7 Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux. 8 Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” 9 Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. 10 U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies.” 11 Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh. Ġesù jfejjaq wieħed lebbruż ( Mt 8,1-4 ; Mk 1,40-45 ) 12 Darba kien qiegħed f’belt. U jkun hemm raġel marid sewwa bil-lebbra; kif ra lil Ġesù, mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni.” 13 Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Iva, irrid; kun imfejjaq,” u minnufih il-lebbra marritlu. 14 Ġesù widdbu u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd. Iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħtihom xhieda li inti fiqt.” 15 Il-fama tiegħu bdiet aktar tixtered, u folol kbar ta’ nies kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. 16 Iżda hu kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb. Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ ( Mt 9,1-8 ; Mk 2,1-12 ) 17 Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq. 18 U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, 19 iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù. 20 Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: “Ħabib, dnubietek maħfura.” 21 Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?” 22 Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? 23 X’inhu l-eħfef, tgħid ‘Dnubietek maħfura’ jew tgħid ‘Qum u imxi’? 24 Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art” - qal lill-mifluġ: “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.” 25 U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla. 26 U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża’ u bdew jgħidu: “Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!” Is-sejħa ta’ Levi ( Mt 9,9-13 ; Mk 2,13-17 ) 27 Wara dan, ħareġ u lemaħ wieħed pubblikan, jismu Levi, bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi, u qallu: “Ejja warajja.” 28 Dak telaq kollox, qam u mar warajh. 29 Imbagħad Levi għamillu laqgħa kbira f’daru stess, u kien hemm magħhom fuq il-mejda kotra kbira ta’ pubblikani u nies oħra. 30 Il-Fariżej u l-kittieba sħabhom bdew igemgmu mad-dixxipli tiegħu, u qalulhom: “Dan l-għala tieklu u tixorbu mal-pubblikani u l-midinbin?” 31 U Ġesù weġibhom: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. 32 Jien mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.” Mistoqsija fuq is-sawm ( Mt 9,14-17 ; Mk 2,18-22 ) 33 Iżda huma qalulu: “Id-dixxipli ta’ Ġwanni sikwit isumu u joqogħdu jitolbu, u dawk tal-Fariżej ukoll, imma tiegħek jieklu u jixorbu!” 34 U Ġesù qalilhom: “Jaqaw tistgħu ġġagħlu lill-ħbieb tal-għarus isumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? 35 Imma għad jasal iż-żmien meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu dakinhar.” 36 Qalilhom ukoll parabbola: “Ħadd ma jaqta’ biċċa drapp minn libsa ġdida biex biha jraqqa’ waħda qadima, għax inkella mhux biss ikun qatta’ l-ġdida, imma anqas il-biċċa meħuda mill-ġdida ma tkun taqbel mal-qadima. 37 Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid il-ġdid jifqa’ d-damiġġani, u jixtered hu u jintilfu d-damiġġani. 38 Iżda nbid ġdid iqegħduh f’damiġġani ġodda. 39 U ħadd ma jkun irid mill-inbid ġdid wara li jkun xorob mill-qadim, għax jgħidlek, ‘Il-qadim tajjeb!’ ” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society