LUQA 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 4 It-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert ( Mt 4,1-11 ; Mk 1,12-13 ) 1 Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. 2 Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. 3 U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż.” 4 Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub li ‘l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.’ ” 5 Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. 6 Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. 7 Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun.” 8 Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub, ‘Lill-Mulej Alla tiegħek tagħti qima, u lilu biss taqdi.’ ” 9 Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. 10 Għax hemm miktub li ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa,’ 11 u li ‘fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’ ” 12 Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad, ‘Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.’ ” 13 Imbagħad ix-Xitan meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt. Il-bidu tal-ministeru ta’ Ġesù fil-Galilija ( Mt 4,12-17 ; Mk 1,14-15 ) 14 Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, 15 għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. In-nies ta’ Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù ( Mt 13,53-58 ; Mk 6,1-6 ) 16 U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. 17 Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej: 18 ‘L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, irrodd il-ħelsien lill-maħqurin 19 u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’ 20 Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. 21 U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.” 22 U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan m’huwiex bin Ġużeppi?” 23 Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju, ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek; dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll.” 24 U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. 25 Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; 26 madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. 27 U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja.” 28 Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; 29 qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. 30 Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer. Ir-raġel bi spirtu ħażin ( Mk 1,21-28 ) 31 Niżel Kafarnahum, belt tal-Galilija, u f’jum is-Sibt qagħad jgħallem lin-nies, 32 li baqgħu mistagħġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax id-diskors tiegħu kien ta’ wieħed li għandu s-setgħa. 33 U kien hemm raġel fis-sinagoga li kellu fih spirtu ta’ xitan imniġġes, u qabad jgħajjat b’leħen għoli: 34 “Ah! x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jiena naf min int: il-Qaddis ta’ Alla!” 35 Imma Ġesù widdbu bis-sħiħ u qallu: “Iskot, u oħroġ minnu!” Imbagħad l-ispirtu xeħtu fin-nofs u ħareġ minnu bla ma għamillu ħsara. 36 U kulħadd stagħġeb, u bdew jistaqsu wieħed lil ieħor u jgħidu: “Dan xi kliem hu? Għax hu jordna b’setgħa u qawwa lill-ispirti mniġġsa u huma joħorġu!” 37 U l-fama tiegħu xterdet ma’ kullimkien f’dawk l-inħawi kollha. Ġesù jfejjaq ħafna nies ( Mt 8,14-17 ; Mk 1,29-34 ) 38 Ġesù qam u telaq mis-sinagoga, u daħal għand Xmun. Issa omm il-mara ta’ Xmun kellha fuqha deni qawwi, u talbuh jgħinha. 39 Resaq fuqha, ordna lid-deni, u d-deni ħallieha. U minnufih qamet u bdiet isservihom. 40 Hija u nieżla x-xemx, dawk kollha li kellhom il-morda, kien x’kien il-mard tagħhom, ħaduhomlu quddiemu. Hu qiegħed idejh fuq kull wieħed minnhom u fejjaqhom. 41 Minn ħafna nies bdew joħorġu wkoll ix-xjaten, jgħajtu u jgħidu: “Inti Bin Alla!” Iżda hu kien jheddidhom u ma ħallihomx jitkellmu, għax huma kienu jafu li hu l-Messija. Ġesù jdur il-Lhudija u jippriedka ( Mk 1,35-39 ) 42 Meta sebaħ, ħareġ u mar f’post imwarrab. In-nies bdew ifittxuh u marru ħdejh u riedu jżommuh biex ma jitlaqx minn ħdejhom. 43 Iżda hu qalilhom: “Jeħtieġli nxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla lill-ibliet l-oħra wkoll, għax għalhekk kont mibgħut.” 44 U kien jippriedka fis-sinagogi tal-Lhudija. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society