LUQA 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 3 Il-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista ( Mt 3,1-12 ; Mk 1,1-8 ; Ġw 1,19-28 ) 1 Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, 2 fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. 3 U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, 4 kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Isaija: ‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu. 5 Kull wied jimtela, kull muntanja u għolja titbaxxa, il-mogħdijiet mgħawġa jiddrittaw, u t-triqat imħarbta jitwittew. 6 U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.’ 7 In-nies kienu jmorru bi ħġarhom għand Ġwanni biex jgħammidhom, u huwa kien jgħidilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom x’għandkom tagħmlu biex taħarbu l-korla li ġejja? 8 Mela uru frott li jixraq lill-indiema, u toqogħdux tgħidu lilkom infuskom: ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham.’ 9 Il-mannara ġa qiegħda ma’ għerq is-siġra, u għalhekk kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar.” 10 In-nies kienu jistaqsuh u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?” 11 U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess.” 12 Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?” 13 U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu.” 14 Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?” U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-tehdid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom.” 15 Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. 16 Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. 17 Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.” 18 U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba. 19 Iżda meta widdeb lil Erodi t-tetrarka billi kien qed jgħix ma’ Erodja, mart ħuh, u minħabba l-ħażen kollu li kien għamel, 20 Erodi kompla jżid ma’ ħtijietu u għalaq lil Ġwanni fil-ħabs. Il-magħmudija ta’ Ġesù ( Mt 3,13-17 ; Mk 1,9-11 ) 21 Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, 22 u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.” L-antenati ta’ Ġesù Kristu ( Mt 1,1-17 ) 23 Fil-bidu tal-ministeru tiegħu Ġesù kellu madwar it-tletin sena. In-nies kienu jaħsbuh bin Ġużeppi, li kien bin Għeli, 24 bin Mattat, bin Levi, bin Melki, bin Ġannaj, bin Ġużeppi, 25 bin Mattatija, bin Għamos, bin Naħum, bin Ħesli, bin Naggaj, 26 bin Maħat, bin Mattatija, bin Simgħi, bin Ġosè, bin Ġoda, 27 bin Ġoħanan, bin Resa, bin Żorobabel, bin Salatjel, bin Neri, 28 bin Melki, bin Għaddi, bin Kosam, bin Elmadan, bin Għer, 29 bin Ġożwè, bin Eligħeżer, bin Ġorim, bin Mattat, bin Levi, 30 bin Simgħon, bin Ġuda, bin Ġużeppi, bin Ġona, bin Eljakim, 31 bin Melija, bin Menna, bin Mattata, bin Natan, bin David, 32 bin Ġesse, bin Għobed, bin Bogħaż, bin Sala, bin Naħson, 33 bin Għamminadab, bin Admin, bin Arni, bin Ħesron, bin Fares, bin Ġuda, 34 bin Ġakobb, bin Iżakk, bin Abraham, bin Teraħ, bin Naħor, 35 bin Serug, bin Regħu, bin Faleg, bin Għeber, bin Selaħ, 36 bin Kajnan, bin Arfaksad, bin Sem, bin Noè, bin Lamek, 37 bin Metuselaħ, bin Ħenok, bin Ġered, bin Maħalalel, bin Kajnan, 38 bin Enos, bin Set, bin Adam, bin Alla. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society