Online Bible

- Reklamy -

LUQA 24 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 24 Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet
( Mt 28,1-10 ; Mk 16,1-8 ; Ġw 20,1-10 )

1 Kmieni mas-sebħ tal-ewwel jum tal-ġimgħa marru ħdejn il-qabar u ħadu magħhom il-fwejjaħ li kienu ħejjew.

2 Huma sabu l-ġebla mgerba minn quddiem il-qabar,

3 imma meta daħlu fih, il-katavru tal-Mulej Ġesù ma sabuhx hemm.

4 U kif kienu mħassbin fuq dan, f’daqqa waħda dehrulhom quddiemhom żewġt irġiel libsin ilbies jiddi.

5 In-nisa, mimlijin bil-biża’, baxxew għajnejhom lejn l-art; imma dawk qalulhom: “L-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin lil min hu ħaj?

6 Mhuwiex hawn, imma qam. Ftakru x’kien qalilkom meta kien għadu fil-Galilija,

7 meta qal li jeħtieġ li Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin, ikun mislub, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.”

8 U huma ftakru kliemu.

9 Telqu lura minn ħdejn il-qabar u marru jagħtu l-aħbar ta’ dan kollu lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha.

10 Kienu Marija ta’ Magdala u Ġwanna u Marija ta’ Ġakbu u n-nisa l-oħra li kellhom magħhom; huma kienu li qalu b’dan lill-appostli.

11 Imma d-diskors tagħhom l-appostli stħajluh thewdin, u ma emmnuhomx.

12 Madankollu Pietru qam u mar b’ġirja lejn il-qabar; tbaxxa biex iħares, imma ma rax ħlief faxex, u raġa’ lura d-dar mgħaġġeb b’li kien ġara.


Fit-triq ta’ Għemmaws
( Mk 16,12-13 )

13 Dak in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm,

14 jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara.

15 Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.

16 Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.

17 U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.

18 Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”

19 “X’ġara?” staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu,

20 kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh.

21 Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja!

22 Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar

23 u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.

24 Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”

25 Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti!

26 U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”

27 U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

28 Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod.

29 Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom.

30 U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.

31 Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.

32 U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”

33 Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien,

34 u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”

35 U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.


Ġesù jidher lid-dixxipli tiegħu
( Mt 28,16-20 ; Mk 16,14-18 ; Ġw 20,19-23 ; Atti 1,6-8 )

36 Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”

37 Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma.

38 Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom?

39 Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.”

40 Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh.

41 Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?”

42 Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija,

43 u hu ħadha u kielha quddiemhom.

44 Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, ‘Jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.’ ”

45 Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura.

46 U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet,

47 u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm.

48 Intom xhud ta’ dan.

49 U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.”


It-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema
( Mk 16,19 ; Atti 1,9-11 )

50 Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ idejh u berikhom.

51 U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema.

52 Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm,

53 u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy