Online Bible

- Reklamy -

LUQA 23 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 23 Ġesù quddiem Pilatu
( Mt 27,1-2 . 11-14 ; Mk 15,1-5 ; Ġw 18,28-38 )

1 Imbagħad qamet il-ġemgħa kollha u ħaduh għand Pilatu.

2 U bdew jakkużawh u jgħidu: “Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li mhuwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed jgħid li hu l-Messija Sultan.”

3 Pilatu staqsieh u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?” U hu wieġbu: “Inti qiegħed tgħidu.”

4 Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: “Ebda ħtija ma nsib f’dan il-bniedem.”

5 Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: “Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess.”


Ġesù quddiem Erodi

6 Kif sama’ dan, Pilatu staqsa jekk dak ir-raġel kienx mill-Galilija,

7 u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi, bagħtu quddiemu, għax f’dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalemm.

8 Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesù, għax minn dak li kien sama’ fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah, bit-tama li jara li jagħmel xi sinjal.

9 U għamillu bosta mistoqsijiet, imma Ġesù ma wieġbu xejn.

10 Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, b’saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh.

11 Imma Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa ta’ kulur ilellex u raġa’ bagħtu quddiem Pilatu.

12 Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dak in-nhar saru ħbieb.


Ġesù kkundannat għall-mewt
( Mt 27,15-26 ; Mk 15,6-15 ; Ġw 18,39—19,16 )

13 Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar, il-kapijiet, u l-poplu,

14 u qalilhom: “Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qiegħed ixewwex lill-poplu. Ara, jiena stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih.

15 U anqas Erodi ma sab, għax raġa’ bagħtu quddiemna. Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt.

16 Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu.”

18 Iżda huma qabdu jgħajtu lkoll f’daqqa: “Agħtih il-mewt lil dan! Itilqilna ’l Barabba!”

19 Dan Barabba kienu tefgħuh il-ħabs minħabba rewwixta li kienet qamet fil-belt għax kien qatel.

20 Pilatu, billi ried jitlaq lil Ġesù, għolla leħnu u raġa’ kellimhom;

21 iżda huma qabdu jgħajtu aktar minnu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!”

22 Għat-tielet darba qalilhom: “Imma dan x’għamel ħażin? Ma sibt fih ebda ħtija li ħaqqha l-mewt. Mela nagħtih is-swat u nitilqu.”

23 Iżda huma b’ħafna għajjat baqgħu jinsistu u jitolbu li jkun imsallab, sakemm fl-aħħar għaddiet tagħhom.

24 Għalhekk Pilatu qatagħha li jsir kif talbu huma.

25 Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù tahulhom bħalma xtaqu.


Ġesù msallab
( Mt 27,32-44 ; Mk 15,21-32 ; Ġw 19,17-27 )

26 Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù.

27 Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.

28 Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom.

29 Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’!

30 Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’

31 Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”

32 Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu.

33 Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug.

34 U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” Imbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom.

35 Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”

36 Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares

37 u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!”

38 Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’

39 Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.”

40 Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna?

41 Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.”

42 Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.”

43 U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.”


Il-mewt ta’ Ġesù
( Mt 27,45-56 ; Mk 15,33-41 ; Ġw 19,28-30 )

44 Għall-ħabta tas-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa,

45 għax ix-xemx iddallmet. Il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs.

46 Imbagħad Ġesù għajjat għajta kbira u qal: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi.” U kif qal hekk, ħarġet ruħu.

47 Iċ-ċenturjun, meta ra x’ġara, beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Tassew li dan bniedem ġust!”

48 U n-nies kollha li kienu nġabru hemm biex jaraw, meta raw dawn il-ġrajja, reġgħu lura jħabbtu fuq sidirhom.

49 Dawk kollha li kienu jafuh qagħdu jaraw kollox mill-bogħod; hekk ukoll xi nisa li kienu ġew warajh sa minn meta kien għadu fil-Galilija.


Id-difna ta’ Ġesù
( Mt 27,57-61 ; Mk 15,42-47 ; Ġw 19,38-42 )

50 U kien hemm wieħed jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust,

51 li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f’dak li riedu u f’dak li għamlu. Kien minn Arimatija, belt tal-Lhudija, u kien jistenna s-Saltna ta’ Alla.

52 Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù;

53 niżżlu mis-salib, keffnu f’liżar, u qiegħdu f’qabar maqtugħ fil-blat, li fih kien għadu ma tqiegħed ħadd.

54 Dak in-nhar kien Jum it-Tħejjija, u s-Sibt kien għoddu beda.

55 In-nisa, li kienu ġew mill-Galilija ma’ Ġesù marru wara Ġużeppi u raw il-qabar u kif kienu qiegħdu l-katavru;

56 imbagħad reġgħu lura u ħejjew il-fwejjaħ u l-mirra. Is-Sibt għaddewh fil-mistrieħ, skont il-preċett tal-Liġi.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy