LUQA 22 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 22 Ftehim kontra Ġesù ( Mt 26,1-5 . 14-16 ; Mk 14,1-2 . 10-11 ; Ġw 11,45-53 ) 1 Kienet riesqa l-festa tal-Ażżmi, jiġifieri l-Għid. 2 Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, billi kienu jibżgħu mill-poplu, bdew ifittxu l-mod kif joqtlu lil Ġesù. 3 Imma x-Xitan daħal f’Ġuda, jgħidulu l-Iskarjota, li kien wieħed mit-Tnax, 4 u dan mar jiftiehem mal-qassisin il-kbar u l-uffiċjali tat-tempju dwar il-mod kif jagħtihom lil Ġesù f’idejhom. 5 Huma ferħu ħafna, u ftiehmu miegħu li jagħtuh xi flus. 6 U hu tahom kelmtu, u beda jara jsibx okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f’idejhom bil-moħbi tal-poplu. Ġesù jħejji għall-ikla tal-Għid ( Mt 26,17-25 ; Mk 14,12-21 ) 7 U wasal jum l-Ażżmi, il-jum li fih kien ikollhom jissagrifikaw il-ħaruf tal-Għid. 8 Ġesù bagħat lil Pietru u ’l Ġwanni u qalilhom: “Morru ħejjulna l-ikla tal-Għid ħalli nieklu l-ħaruf.” 9 “Fejn tridna nħejju?” staqsewh. 10 “Araw,” qalilhom: “Intom u deħlin il-belt jiltaqa’ magħkom raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh sa ġod-dar fejn jidħol, 11 u għidu lil sid dik id-dar: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tal-ikel li fiha nista’ niekol l-ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħi?’ 12 U dak jurikom kamra kbira fuq, mgħammra b’kollox. Ħejju hemmhekk.” 13 Marru, u sabu kollox kif kien qalilhom; u ħejjew l-ikla tal-Għid. It-twaqqif tal-Ewkaristija ( Mt 26,26-30 ; Mk 14,22-26 ; 1 Kor 11,23-25 ) 14 Meta sar il-ħin, qagħad fuq il-mejda flimkien mal-appostli. 15 U Ġesù qalilhom: “Kelli xewqa kbira li nagħmel din l-ikla tal-Għid magħkom qabel ma nbati! 16 Għaliex, ngħidilkom, din l-ikla m’iniex se nagħmilha iżjed sa ma tkun seħħet għalkollox fis-Saltna ta’ Alla.” 17 U qabad kalċi, radd il-ħajr u qal: “Ħudu dan il-kalċi u aqsmuh bejnietkom. 18 Għaliex, ngħidilkom, minn issa ’l quddiem ma nixrobx iżjed mill-frott tad-dielja sa ma tiġi s-Saltna ta’ Alla.” 19 Imbagħad ħa l-ħobż, radd il-ħajr, qasmu, newwilhulhom u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” 20 Hekk ukoll wara l-ikla ħa l-kalċi u qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt il-Ġdid b’demmi, id-demm li jixxerred għalikom. 21 Imma, araw, id dak li se jittradini qiegħda miegħi fuq il-mejda. 22 Għax tassew li Bin il-bniedem imur, kif hemm maqtugħ, imma ħażin għalih dak il-bniedem li jittradih!” 23 Huma għalhekk bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien se jagħmel dan. Min hu l-akbar fis-Saltna ta’ Alla 24 Inqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed. 25 Imma hu qalilhom: “Fost il-pagani s-slaten jaħkmu fuq in-nies, u dawk li jħaddmu s-setgħa fuqhom isejħulhom benefatturi. 26 Intom mhux hekk, imma l-akbar fostkom għandu jġib ruħu tal-iżgħar wieħed, u min hu fuq l-oħrajn iġib ruħu ta’ qaddej. 27 Għax min hu l-akbar, dak li jkun fuq il-mejda, jew dak li jkun qiegħed jaqdi? Mhux dak li jkun fuq il-mejda? Imma jien qiegħed fostkom nagħmilha ta’ qaddej. 28 Intom, imbagħad, intom dawk li żammejtu sħiħ miegħi fit-tiġrib kollu li ġie fuqi; 29 u bħalma Missieri ħejja saltna għalija, hekk ukoll jiena nħejji għalikom, 30 biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda miegħi f’saltnati, u toqogħdu fuq tronijiet biex tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael. It-taħbira taċ-ċaħda ta’ Pietru ( Mt 26,31-35 ; Mk 14,27-31 ; Ġw 13,36-38 ) 31 “Xmun! Xmun! Ara, ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ; 32 imma jiena tlabt għalik, biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa. Inti mbagħad, meta terġa’ lura għas-sewwa, wettaq lil ħutek.” 33 Qallu Xmun: “Mulej, jiena lest li miegħek niġi saħansitra l-ħabs, lest li nieħu l-mewt ukoll.” 34 Imma Ġesù qallu: “Ngħidlek, Pietru, li llum, qabel ma jidden is-serduk, tkun ċħadt għal tliet darbiet li inti tafni!” Twissija ta’ Ġesù 35 Imbagħad qalilhom: “Naqsitkom xi ħaġa meta bgħattkom bla borża u bla ħorġa u bla qorq!” “Ma naqasna xejn,” weġbuh. 36 “Imma issa,” qalilhom, “min għandu borża jqis li jeħodha miegħu, u min għandu ħorġa wkoll; u min ma għandux sejf, ibigħ il-libsa ta’ fuqu u jixtri wieħed. 37 Għaliex ngħidilkom, jeħtieġ li jseħħ fija dak li hemm miktub, jiġifieri, ‘li kien magħdud mal-ħżiena’. Tabilħaqq, dak li hemm miktub fuqi jseħħ.” 38 “Mulej,” qalulu, “ara, hawn żewġt isjuf hawnhekk.” “Biżżejjed!” qalilhom. Ġesù jitlob fuq l-Għolja taż-Żebbuġ ( Mt 26,36-46 ; Mk 14,32-42 ) 39 Imbagħad ħareġ u mar bħas-soltu fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu. 40 Kif wasal hemmhekk qalilhom: “Itolbu li ma tidħlux fit-tiġrib.” 41 Imbagħad tbiegħed minnhom daqs tefgħa ta’ ġebla, u nxteħet għarkupptejh jitlob 42 u jgħid: “Missier, jekk inti trid, warrab minni dan il-kalċi! Iżda tkun magħmula r-rieda tiegħek, u mhux tiegħi.” 43 Deherlu anġlu mis-sema biex jagħmillu l-qalb, 44 imma hu ħass dwejjaq tal-mewt fuqu u beda jitlob b’ħerqa akbar. L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sal-art. 45 Imbagħad qam mit-talb, mar ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin minħabba s-swied ta’ qalb. 46 “Kif!” qalilhom “Irqadtu? Qumu u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib!” Ġesù ttradut u arrestat ( Mt 26,47-56 ; Mk 14,43-50 ; Ġw 18,3-11 ) 47 Kif kien għadu jitkellem, waslet ġemgħa nies. Quddiem kien hemm dak li jismu Ġuda, wieħed mit-Tnax, u dan resaq lejn Ġesù biex ibusu. 48 Imma Ġesù qallu: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem?” 49 Dawk ta’ madwaru, meta raw x’kien ġej, qalulu: “Mulej, tridx nagħtu bis-sejf?” 50 U wieħed minnhom ta daqqa ta’ sejf lill-qaddej tal-qassis il-kbir u qatagħlu barra widintu l-leminija. 51 Imma Ġesù qal: “Ieqfu! Biżżejjed!” U messlu widintu u fejqu. 52 Imbagħad Ġesù qal lill-qassisin il-kbar, lill-uffiċjali tat-tempju u lix-xjuħ li ġew għalih: “Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten! 53 Meta kont inkun magħkom kuljum fit-tempju, ma meddejtux idejkom fuqi. Imma din hi s-siegħa tagħkom u s-setgħa tad-dlamijiet!” Pietru jiċħad lil Ġesù ( Mt 26,57-58 . 69-75 ; Mk 14,53-54 . 66-72 ; Ġw 18,12-18 . 25-27 ) 54 Imbagħad qabdu lil Ġesù u ħaduh magħhom, u daħħluh fil-palazz tal-qassis il-kbir. Pietru baqa’ miexi warajhom mill-bogħod. 55 Meta mbagħad qabbdu n-nar f’nofs il-bitħa u nxteħtu bilqiegħda madwaru, Pietru mar qagħad bilqiegħda f’nofshom. 56 Imma kif kien hemm bilqiegħda maġenb in-nar, ratu waħda qaddejja, waħħlet għajnejha fuqu u qalet: “Dan ukoll kien miegħu!” 57 Iżda hu ċaħad u qalilha: “Mara, anqas biss nafu!” 58 Wara ftit rah xi ħaddieħor, u qallu: “Int ukoll wieħed minnhom.” Imma Pietru wieġbu: “Le, sieħeb, m’iniex!” 59 Għaddiet xi siegħa u raġa’ kien hemm ieħor li beda jisħaq u jgħid: “Iva, tassew, dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija.” 60 Iżda Pietru qallu: “Ma nafx x’inti tgħid, sieħeb.” U minnufih, kif kien għadu jitkellem, is-serduk idden. 61 U l-Mulej dar u ħares lejn Pietru; u Pietru ftakar fil-kelma li l-Mulej kien qallu, ‘Illum, qabel ma jidden is-serduk, inti tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.’ 62 U ħareġ ’il barra jibki b’qalbu maqsuma. Ġesù mżeblaħ u msawwat ( Mt 26,67-68 ; Mk 14,65 ) 63 L-irġiel li kienu qegħdin iżommu lil Ġesù bdew jgħadduh biż-żufjett u jsawtuh, 64 u għattewlu wiċċu u bdew jistaqsuh u jgħidulu: “Aqta’ min tahielek din id-daqqa!” 65 U qagħdu jgħajruh b’ħafna kliem ieħor. Ġesù quddiem is-Sinedriju ( Mt 26,59-66 ; 27,2 ; Mk 14,55-64 ; 15,1 ; Ġw 18,19-24 ) 66 Meta sebaħ, iltaqgħet il-ġemgħa tax-xjuħ tal-poplu, il-qassisin il-kbar u l-kittieba, u ħadu lil Ġesù quddiem is-Sinedriju tagħhom. 67 U qalulu: “Jekk inti l-Messija, għidilna.” Iżda hu weġibhom: “Jekk ngħidilkom, ma temmnux; 68 jekk nistaqsikom, ma tweġbux. 69 Imma minn issa ’l quddiem Bin il-bniedem ikun bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ Alla li jista’ kollox.” 70 U lkoll qalulu: “Inti mela l-Iben ta’ Alla?” “Intom stess qegħdin tgħiduh,” qalilhom, “Iva, jien.” 71 “Xi ħtieġa għandna iżjed ta’ xhieda?” qalu huma, “Għax smajnieha aħna minn fommu stess!” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society