Online Bible

- Reklamy -

LUQA 21 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 21 L-offerta tal-armla
( Mk 12,41-44 )

1 Rafa’ għajnejh u ra l-għonja jitfgħu l-offerti tagħhom fit-teżor tat-tempju.

2 U ra wkoll waħda armla fqira titfa’ biċċtejn żgħar tal-flus,

3 u qal: “Ngħidilkom is-sew, din l-armla fqira tefgħet iktar minnhom ilkoll.

4 Għax dawn kollha għamlu offerti miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet dak kollu li kellha biex tgħix.”


Il-qerda tat-Tempju u l-persekuzzjonijiet
( Mt 24,1-14 ; Mk 13,1-13 )

5 Kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom:

6 “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx.”

7 U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”

8 Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu, ‘Jien hu,’ u, ‘Iż-żmien wasal.’ Tmorrux warajhom!

9 Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih.”

10 Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna,

11 l-art titheżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb.

12 Imma qabel dan kollu jixħtu idejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi.

13 Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda.

14 U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom,

15 għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

16 U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom,

17 u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi.

18 Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx.

19 Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!


Ġesù jħabbar il-qerda ta’ Ġerusalemm
( Mt 24,15-22 ; Mk 13,14-19 )

20 “Meta mbagħad taraw lil Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-eżerċti, tkunu tafu li l-qerda tagħha tkun waslet.

21 Ħa jaħarbu mbagħad lejn il-muntanji dawk li jkunu fil-Lhudija u jitbiegħdu minnha dawk li jkunu ġo nofsha, u ma jerġgħux lura fiha dawk li jkunu fir-raba’;

22 għax dawk ikunu jiem il-kastig li fihom iseħħ kulma hemm miktub.

23 Jaħasra għalihom in-nisa li f’dawk il-jiem ikunu tqal jew ireddgħu! Għax hemm kbir jaqa’ fuq il-pajjiż, u korla fuq dan il-poplu.

24 In-nies jaqgħu taħt il-qilla tas-sejf, u jittieħdu lsiera fost il-pagani kollha; u Ġerusalemm tibqa’ tintrifes taħt saqajn il-ġnus sa ma jkun għadda żmien il-ġnus.


Il-miġja ta’ Bin il-bniedem
( Mt 24,29-31 ; Mk 13,24-27 )

25 “U jkun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ;

26 in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.

27 Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.

28 Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.”


Tagħlima mis-siġra tat-tin
( Mt 24,32-35 ; Mk 13,28-31 )

29 U qalilhom parabbola: “Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra.

30 Malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib.

31 Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib.

32 Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu.

33 Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix.


Ishru

34 “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda.

35 Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha.

36 Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.”

37 Matul il-jum Ġesù kien joqgħod jgħallem fit-tempju, iżda filgħaxija kien joħroġ barra mill-belt lejn l-Għolja taż-Żebbuġ biex jgħaddi l-lejl hemmhekk.

38 Filgħodu mbagħad il-poplu kollu kien imur kmieni fit-tempju biex jisimgħu.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy