Online Bible

- Reklamy -

LUQA 20 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 20 Il-Lhud jistaqsu dwar is-setgħa ta’ Ġesù
( Mt 21,23-27 ; Mk 11,27-33 )

1 Ġara li, jum wieħed, huwa u jgħallem lin-nies fit-tempju u jxandar l-Evanġelju, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-kittieba flimkien max-xjuħ

2 u staqsewh u qalulu: “Għidilna, int b’liema setgħa qiegħed tagħmel dan kollu? U min hu dak li tahielek din is-setgħa?”

3 Hu weġibhom u qal: “Ħa nagħmlilkom mistoqsija jien ukoll. Għiduli,

4 il-magħmudija ta’ Ġwanni kienet ġejja mis-sema jew mill-bnedmin?”

5 Dawk bdew jirraġunaw bejniethom u jgħidu: “Jekk inweġbuh, ‘Mis-sema,’ jgħidilna, ‘Mela għaliex ma emmintuhx?’

6 U jekk ngħidulu, ‘Mill-bnedmin,’ il-poplu kollu jħaġġarna!” Għax kulħadd kien jemmen li Ġwanni kien profeta.

7 Għalhekk weġbuh li ma kinux jafu minn fejn.

8 U Ġesù qalilhom: “Mela anqas jien ma ngħidilkom b’liema setgħa qiegħed nagħmel dan.”


Il-parabbola tal-għalqa u l-bdiewa
( Mt 21,33-46 ; Mk 12,1-12 )

9 Imma lin-nies beda jgħidilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li ħawwel għalqa dwieli, qabbilha lil xi bdiewa, u mar jagħmel safra twila f’art oħra.

10 Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand il-bdiewa biex jagħtuh is-sehem li kien imissu mill-frott tal-għalqa. Iżda l-bdiewa sawtuh u reġgħu bagħtuh lura idu f’idu.

11 Għal darb’oħra bagħtilhom qaddej ieħor, imma lil dan ukoll darbuh u xeħtuh ’il barra idu f’idu.

12 Għat-tielet darba bagħtilhom ieħor, imma lil dan ukoll ferewh u xeħtuh ’il barra.

13 ‘X’naqbad nagħmel?’ qal sid l-għalqa; ‘ħa nibagħtilhom lil ibni l-għażiż; nittama li minn dan jistħu’.

14 Iżda kif rawh il-bdiewa bdew jiftiehmu bejniethom u jgħidu lil xulxin: ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu jaqa’ fuqna.’

15 U xeħtuh ’il barra mill-għalqa tad-dwieli u qatluh. Issa x’jagħmlilhom sid l-għalqa?

16 Jiġi u jeqred lil dawk il-bdiewa, u l-għalqa tad-dwieli jqabbilha lil ħaddieħor.” “Ma jkun qatt!” qalulu meta semgħuh jgħid hekk.

17 Iżda Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Mela xi jfisser dak li hemm miktub, ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka’?

18 Min jaqa’ fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqa’ tgħaffġu taħtha.”

19 Il-kittieba u l-qassisin il-kbar riedu kieku jmiddu idejhom fuqu dak il-ħin stess, imma beżgħu mill-poplu. Fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom.


It-taxxi lil Ċesari
( Mt 22,15-22 ; Mk 12,13-17 )

20 Imbagħad huma qagħdu għassa tiegħu u bagħtu għandu lil xi wħud taparsi nies sewwa biex jonsbuh u forsi jaqbduh f’xi kelma, u hekk ikunu jistgħu jagħtuh f’idejn il-gvernatur li kellu s-setgħa u l-awtorità.

21 Dawk staqsewh u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li inti tgħid u tgħallem is-sewwa bla ma tħares lejn wiċċ ħadd, imma t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi.

22 Sewwa jew le li aħna nħallsu t-taxxa lil Ċesari?”

23 Iżda hu ntebaħ bil-ħażen tagħhom u qalilhom:

24 “Uruni dinar. Il-wiċċ u l-kitba ta’ min huma?” Qalulu: “Ta’ Ċesari.”

25 Imbagħad qalilhom: “U mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.”

26 U hekk ma seħħilhomx jaqbduh fil-kelma quddiem il-poplu, u kollhom mistagħġba għalqu ħalqhom għat-tweġiba tiegħu.


Il-qawmien mill-imwiet
( Mt 22,23-33 ; Mk 12,18-27 )

27 Mela resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh:

28 “Mgħallem,” qalulu, “Mosè ħallielna miktub, ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh.’

29 Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal.

30 It-tieni wieħed,

31 u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal.

32 Fl-aħħar mietet il-mara wkoll.

33 Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha.”

34 Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu;

35 imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu.

36 Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet.

37 U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb.

38 Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix.”

39 Qabżu xi wħud mill-kittieba u qalulu: “Mgħallem, sewwa qiegħed tgħid.”

40 Għax xejn iżjed ma kellhom il-wiċċ jistaqsuh.


Mistoqsija dwar Bin David
( Mt 22,41-46 ; Mk 12,35-37 )

41 Imbagħad qalilhom: “Din kif inhi li jgħidu li l-Messija huwa bin David?

42 Għax David stess jgħid fil-Ktieb tas-Salmi, ‘Il-Mulej qal lil Sidi: Oqgħod fuq il-lemin tiegħi,

43 sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek taħt riġlejk.’

44 Jiġifieri, David sejjaħlu Sidu; mela kif inhu ibnu?”


Ġesù jikkundanna l-kittieba
( Mt 23,1-36 ; Mk 12,38-40 ; Lq 11,37-54 )

45 Waqt li l-poplu kollu kien qiegħed jisma’, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu:

46 “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jridu biss iduru mat-toroq bi lbiesi twal, u jħobbu t-tislim fil-pjazez u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi u l-postijiet ewlenin fil-pranzijiet,

47 iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy