LUQA 19 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 19 Ġesù u Żakkew 1 Ġesù daħal Ġeriko u kien għaddej mit-triq. 2 Mela jkun hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-kapijiet tal-pubblikani, u kien għani. 3 Kellu xewqa li jara min kien Ġesù, imma ma setax minħabba l-folla, billi kien raġel qasir. 4 Għalhekk mar jiġri ’l quddiem u xxabbat ma’ siġra tat-tin selvaġġ, għax minn dik in-naħa kien se jgħaddi. 5 Ġesù, kif wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek.” 6 Dak niżel bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu. 7 In-nies, meta rawh, ilkoll bdew igemgmu bejniethom u jgħidu li għand wieħed midneb daħal jistrieħ. 8 Imma Żakkew, wieqaf, qal lill-Mulej: “Ara, Mulej, nofs ġidi se nagħtih lill-foqra, u jekk jien qarraqt b’xi ħadd irroddlu għal erba’ darbiet iżjed.” 9 Qallu Ġesù: “F’din id-dar illum daħlet is-salvazzjoni, għax dan ir-raġel ukoll huwa bin Abraham. 10 Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.” Il-parabbola tal-għaxar miniet ( Mt 25,14-30 ) 11 Huma u jisimgħu dan, Ġesù żied jgħid parabbola, għax kien qrib Ġerusalemm, u n-nies kien mingħalihom li s-Saltna ta’ Alla kienet se tidher minnufih. 12 Mela qal: “Wieħed raġel nobbli siefer f’pajjiż fil-bogħod biex jagħmluh sultan u mbagħad jerġa’ lura. 13 Sejjaħ għaxar qaddejja tiegħu, tahom għaxar miniet u qalilhom: ‘Ħaddmuhom, sa ma nerġa’ niġi.’ 14 Issa n-nies ta’ pajjiżu kienu jobogħduh, u bagħtu ambaxxata warajh biex jgħidu, ‘Ma rriduhx lil dan isaltan fuqna.’ 15 Ġara li, meta ħa s-saltna u raġa’ lura, bagħat isejjaħ lil dawk il-qaddejja li kien tahom il-flus, biex ikun jaf kif ħaddmuhom u x’qalgħu. 16 Resaq l-ewwel wieħed u qallu, ‘Sinjur, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.’ 17 Qallu, ‘Sewwa, qaddej tajjeb! Ladarba kont fidil f’ħaġa tassew żgħira, ħu f’idejk is-setgħa fuq għaxart ibliet.’ 18 Ġie t-tieni wieħed u qallu, ‘Sinjur bil-mina tiegħek daħħalt ħames miniet.’ 19 Lil dan ukoll qallu, ‘U int ħu taħt idejk ħamest ibliet.’ 20 U ġie ieħor u qallu, ‘Sinjur, hawn ara l-mina tiegħek li jien żammejt merfugħa f’maktur. 21 Għax jien bżajt minnek billi inti bniedem aħrax, li tfittex dak li ma ħżintx, u taħsad dak li ma żrajtx.’ 22 Qallu, ‘Fuq kliemek stess nagħmel ħaqq minnek, ja qaddej ħażin! Kont taf li jiena bniedem aħrax, infittex dak li ma ħżintx u naħsad dak li ma żrajtx. 23 Mela għax ma mortx tqiegħed flusi l-bank biex meta niġi kont niġbidhom bl-imgħax?’ 24 Imbagħad qal lil ta’ madwaru, ‘Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu l-għaxar miniet.’ 25 ‘Imma, sinjur,’ qalulu, ‘għandu għaxar miniet!’ 26 ‘Ngħidilkom li kull min għandu, jingħatalu; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. 27 Lil dawk l-għedewwa tiegħi mbagħad li ma ridunix insaltan fuqhom, morru ġibuhom hawn u agħtuhom il-mewt quddiemi.’ ” Id-daħla messjanika f’Ġerusalemm ( Mt 21,1-11 ; Mk 11,1-11 ; Ġw 12,12-16 ) 28 Kif qal dan, Ġesù qabad it-triq u beda tiela’ lejn Ġerusalemm, miexi quddiem l-oħrajn. 29 U meta wasal qrib Betfaġe u Betanja, ħdejn l-għolja li jgħidulha taż-Żebbuġ, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu 30 u qalilhom: “Morru fir-raħal ta’ biswitna; kif taslu, issibu felu marbut li ħadd qatt għadu ma rikeb fuqu. Ħolluh u ġibuh. 31 Jekk xi ħadd jistaqsikom għalfejn qegħdin tħolluh, għidulu li l-Mulej għandu bżonnu.” 32 Dawk li kienu mibgħuta marru u sabu kollox kif kien qalilhom. 33 Huma u jħollu l-felu, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għalfejn qegħdin tħolluh il-felu?” 34 U huma wieġbu: “Għax il-Mulej jeħtieġu.” 35 Imbagħad ġiebu l-felu lil Ġesù, qiegħdu l-imnatar tagħhom fuq il-felu, u rikkbu lil Ġesù fuqu. 36 Huwa u għaddej, firxu l-imnatar tagħhom fit-triq. 37 Xħin imbagħad kien qorob lejn in-niżla tal-Għolja taż-Żebbuġ, il-kotra kollha tad-dixxipli bdiet tfaħħar lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli għall-għeġubijiet kollha li kienu raw, 38 u bdew jgħidu: “Imbierek is-Sultan li ġej f’isem il-Mulej! Sliem fis-sema, u glorja fl-ogħla tas-smewwiet!” 39 Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: “Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!” 40 Iżda hu weġibhom u qal: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel.” 41 Wasal qrib il-belt u, kif raha, beda jibkiha 42 u jgħid: “Mhux li għaraft imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik! Imma issa! Dan hu moħbi minn għajnejk! 43 Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; 44 u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek!” Il-qdusija tat-tempju ( Mt 21,12-17 ; Mk 11,15-19 ; Ġw 2,13-22 ) 45 Imbagħad daħal fit-tempju, u qabad ikeċċi ’l barra l-bejjiegħa 46 u jgħidilhom: “Hemm miktub, ‘Id-dar tiegħi tkun dar it-talb.’ Iżda intom għamiltuha għar tal-ħallelin!” 47 U kien jgħallem kuljum fit-tempju. Il-qassisin il-kbar u l-kittieba u l-kbarat tal-poplu kienu jfittxu li jeqirduh; 48 iżda ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu, għax il-poplu kollu kien imqabbad miegħu biex jisimgħu. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society