Online Bible

- Reklamy -

LUQA 18 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 18 Il-parabbola tal-imħallef u l-armla

1 Imbagħad qalilhom parabbola biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu.

2 Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd.

3 F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu, ‘Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi.’

4 Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal, ‘Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies,

5 imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini.’ ”

6 U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin.

7 Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?

8 Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”


Il-parabbola tal-Fariżew u l-pubblikan

9 Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola:

10 “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu.

11 Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu, ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan.

12 Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal.’

13 Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’

14 Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”


Ġesù jbierek it-tfal iż-żgħar
( Mt 19,13-15 ; Mk 10,13-16 )

15 Ġabulu wkoll quddiemu t-trabi biex iberikhom. Imma d-dixxipli, kif raw dan, qabdu jgħajtu magħhom.

16 Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Ħalluhom lit-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u żżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla.

17 Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.”


Il-kap li kien għani
( Mt 19,16-30 ; Mk 10,17-31 )

18 Wieħed kap staqsieh u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”

19 “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb’?” qallu Ġesù, “Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla waħdu.

20 Inti l-kmandamenti tafhom: La tiżnix, la toqtolx, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u ’l ommok.”

21 Dak qallu: “Jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti.”

22 Kif semgħu jgħid hekk, Ġesù qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: bigħ kulma għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-smewwiet: imbagħad ejja u imxi warajja.”

23 Iżda dak, meta semgħu jgħid dan, sewwed qalbu ħafna, għax kien tassew għani.

24 Ġesù, meta rah li sewwed qalbu, qal: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!

25 Għax eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!”

26 Dawk li semgħuh qalulu: “Mela min jista’ jsalva?”

27 Iżda hu weġibhom: “Dak li ma jistax ikun għall-bnedmin, għal Alla jista’ jkun.”

28 Qallu Pietru: “Tajjeb! Aħna ħallejna kulma kellna u ġejna warajk.”

29 Ġesù qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba s-Saltna ta’ Alla jħallu darhom jew lil marthom jew lil ħuthom jew lill-ġenituri tagħhom jew ’l uliedhom,

30 ma hemm ħadd fosthom li f’din id-dinja stess ma jirċevix kollox għal mitt darba iktar, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej.”


It-tielet taħbira tal-mewt u tal-qawmien
( Mt 20,17-19 ; Mk 10,32-34 )

31 Ġesù sejjaħ lejh it-Tnax u qalilhom: “Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u jseħħ kulma kitbu l-profeti fuq Bin il-bniedem.

32 Għax se jagħtuh f’idejn il-pagani u jiddieħku bih, iżebilħuh u jobżqulu fuqu,

33 jagħtuh is-swat u joqtluh, u fit-tielet jum iqum mill-imwiet.”

34 Iżda minn dan kollu ma fehmu xejn; kien diskors li baqa’ mistur għalihom, u ma fehmu xejn milli qal.


Ġesù jfejjaq l-agħma ta’ Ġeriko
( Mt 20,29-34 ; Mk 10,46-52 )

35 Ġara li, huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità.

36 Dan sama’ l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x’ġara.

37 U qalulu li kien għaddej Ġesù ta’ Nazaret.

38 Hu qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!”

39 Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”

40 Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh:

41 “Xi tridni nagħmillek?” “Li nara, Mulej,” wieġbu dak.

42 U Ġesù qallu: “Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek.”

43 U minnufih beda jara, u baqa’ miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy