Online Bible

- Reklamy -

LUQA 17 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 17 Twissijiet ta’ Ġesù
( Mt 18,6-7 ; Mk 9,42 )

1 Darba lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Ma jistax ikun li ma jingħatawx skandli; imma ħażin għalih min ikun ħtija tagħhom!

2 Ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin.

3 Oqogħdu attenti! “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, widdbu, u jekk jindem aħfirlu.

4 U jekk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek, ‘Jisgħobbija,’ aħfirlu.”

5 L-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi.”

6 Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut, ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar,’ u hi kienet tisma’ minnkom.

7 “Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu? ‘Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel’?

8 jew, ‘Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int’?

9 Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu?

10 Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu, ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.’ ”


Ġesù jfejjaq għaxar lebbrużi

11 Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija.

12 Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu,

13 għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!”

14 Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin.” U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom.

15 Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla,

16 inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan.

17 U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra?

18 Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!”

19 Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek.”


Il-miġja tas-Saltna ta’ Alla
( Mt 24,23-28 . 37-41 )

20 Il-Fariżej staqsewh meta kienet se tiġi s-Saltna ta’ Alla, u hu weġibhom: “Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru;

21 lanqas ħadd ma hu se jgħid, ‘Arawha, hawn,’ jew, ‘Hemm’, għax araw, is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda.”

22 Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx.

23 U jgħidulkom, ‘Arawh, hawn hu,’ jew, ‘Arawh, hemm hu!’ Tmorrux, tiġrux warajhom.

24 Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għal ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu.

25 Iżda qabel xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu.

26 “U bħalma ġara fi żmien Noè, hekk ukoll jiġri fi żmien Bin il-bniedem.

27 Kienu jieklu, jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka; imbagħad ġie d-dilluvju u qeridhom ilkoll.

28 L-istess bħalma ġara fi żmien Lot; kienu jieklu, jixorbu, jixtru, ibigħu, iħawlu, jibnu,

29 imma dak in-nhar li Lot ħareġ minn Sodoma, Alla bagħat xita ta’ nar u kubrit mis-sema u qeridhom ilkoll.

30 Hekk ikun il-Jum li fih jidher Bin il-bniedem.

31 F’dak il-Jum, min ikun fuq il-bejt u jkollu ħwejġu ġewwa fid-dar, iqis li ma jinżilx jeħodhom; hekk ukoll min ikun fir-raba’, iqis li ma jerġax lura.

32 Ftakru fil-mara ta’ Lot!

33 “Min ifittex isalva ħajtu, jitlifha; iżda min jitlifha, isalvaha.

34 Ngħidilkom li, f’dak il-lejl, tnejn ikunu f’sodda waħda: wieħed minnhom jittieħed u l-ieħor jitħalla;

35 żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien; waħda minnhom tittieħed u l-oħra titħalla.”

37 Qalulu: “Fejn, Mulej?” U hu weġibhom: “Fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-isqra jinġabru.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy