Online Bible

- Reklamy -

LUQA 15 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 15 Il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa
( Mt 18,12-14 )

1 Il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom biex jisimgħuh.

2 U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”

3 U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:

4 “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha?

5 U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh,

6 imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli.’

7 Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.


Il-parabbola tad-drakma l-mitlufa

8 “Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha!

9 U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli.’

10 Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.”


Il-parabbola tal-iben il-ħali

11 Qalilhom ukoll: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied.

12 Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid.’ U dak qassmilhom il-ġid.

13 Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra.

14 Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn.

15 U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer.

16 Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

17 Imbagħad daħal fih innifsu u qal, ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!

18 Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu, ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek;

19 ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek.’

20 Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.

21 ‘Missier,’ qallu ibnu, ‘dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek.’

22 Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu, ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh!

23 Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa,

24 għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’ U bdew jagħmlu festa.

25 “Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin.

26 Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien.

27 ‘Hawn ħuk,’ qallu dak, ‘u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ.’

28 Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.

29 ‘Ara,’ qal lil missieru, ‘ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi!

30 Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’

31 ‘Ibni,’ qallu missieru, ‘inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek.

32 Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.’ ”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy