LUQA 14 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 14 Ġesù jfejjaq raġel marid 1 Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. 2 U resaq quddiemu wieħed marid bl-ilma. 3 Ġesù qabad jistaqsi lill-għorrief tal-Liġi u lill-Fariżej; qalilhom: “Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f’jum is-Sibt?” 4 Huma ma tkellmu xejn iżda hu qabad lir-raġel, fejqu u bagħtu. 5 Imbagħad qalilhom: “Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f’ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?” 6 U ma kellhomx il-ħila jwiġbuh għal dan. Kif iġġib ruħek meta jistidnuk jew tistieden 7 Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: 8 “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, 9 u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar. 10 Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, itla f’post aktar ’il fuq.’ U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. 11 Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.” 12 Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. 13 Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, 14 u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!” Il-parabbola tal-pranzu ( Mt 22,1-10 ) 15 Wieħed minn dawk li kienu miegħu għall-mejda, meta semgħu jgħid dan, qallu: “Hieni min jiekol il-ħobż fis-Saltna ta’ Alla!” 16 Iżda hu wieġeb: “Wieħed raġel għamel pranzu kbir u stieden ħafna nies. 17 Meta sar il-ħin għall-ikel, bagħat lill-qaddej tiegħu għand il-mistednin biex jgħidilhom, ‘Ejjew, għax ġa lest kollox.’ 18 Imma lkoll xorta waħda bdew isibu xi skuża. L-ewwel wieħed qallu, ‘Xtrajt għalqa, u jeħtieġli mmur naraha; nitolbok tagħdirni.’ 19 Ieħor qallu, ‘Xtrajt ħames żwieġ barrin, u sejjer nara x’jagħtu; nitolbok tagħdirni.’ 20 Ieħor qallu, ‘Iżżewwiġt, għalhekk ma nistax niġi.’ 21 Il-qaddej raġa’ lura għand sidu u qallu kollox. Is-sinjur, b’korla fuqu, qal lill-qaddej tiegħu, ‘Ħaffef, oħroġ fil-pjazez u t-triqat tal-belt, u daħħal hawn il-foqra u l-magħtuba u l-għomja u z-zopop.’ 22 Il-qaddej imbagħad qallu, ‘Sar kif ordnajt int, sinjur, u għad hemm il-wisa’.’ 23 ‘Oħroġ fil-mogħdijiet u fl-għelieqi,’ qal is-sid lill-qaddej, ‘u ġiegħel in-nies tidħol, ħalli dari timtela. 24 Għax kif ngħidilkom jien, ebda wieħed minn dawk li kienu mistiedna ma jduq l-ikel tiegħi.’ ” X’jeħtieġ biex tkun dixxiplu ( Mt 10,37-38 ) 25 Kotra kbira ta’ nies kienet miexja miegħu; hu dar lejhom u qalilhom: 26 “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’l ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. 27 Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. 28 “Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sa l-aħħar? 29 Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt 30 u jgħid, ‘Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sal-aħħar.’ 31 Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? 32 Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi. 33 Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu. 34 “Tajjeb, iva, il-melħ, imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma tiegħu? 35 U la għall-art ma jkun jiswa, u lanqas għad-demel; jarmuh barra. Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society