Online Bible

- Reklamy -

LUQA 13 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 13 Jekk ma tindmux, tintilfu

1 Dak il-ħin stess ġew xi wħud u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.

2 U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu?

3 Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.

4 Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm!

5 Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.”


Is-siġra tat-tin bla frott

6 U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx.

7 Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa, ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha, għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?

8 Iżda dak wieġbu, ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel.

9 Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha.’ ”


Il-mara mifluġa mfejqa f’jum is-Sibt

10 Darba s-Sibt kien qiegħed jgħallem f’waħda mis-sinagogi.

11 U kien hemm mara li kienet ilha tmintax-il sena bi spirtu li kien imarradha; kienet milwija ħafna, u ma kinitx tista’ tieqaf dritta għalkollox.

12 Kif raha Ġesù sejħilha u qalilha: “Mara, inti meħlusa mill-mard tiegħek.”

13 U qegħdilha idejh fuqha, u minnufih waqfet dritta u bdiet tfaħħar lil Alla.

14 Qabeż il-kap tas-sinagoga, b’saħna fuqu għax Ġesù fejjaq f’jum is-Sibt, u qal lin-nies: “Hemm sitt ijiem li fihom wieħed għandu jaħdem; mela fihom ejjew biex titfejqu, u mhux is-Sibt!”

15 “Uċuħ b’oħra!” wieġbu l-Mulej, “Mhux kull wieħed minnkom f’jum is-Sibt iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-maxtura u jieħdu biex jisqih?

16 U mela għax illum is-Sibt, din il-mara, bint Abraham, ma kellhiex tinħall mill-irbit li fih ix-Xitan ilu jżommha għal tmintax-il sena sħaħ?”

17 Kif qal hekk, kull min kien kontra tiegħu regħex bil-mistħija; iżda n-nies ilkoll ferħu għal dawk l-għeġubijiet kollha li kien qiegħed jagħmel.


Il-parabbola tal-mustarda u tal-ħmira
( Mt 13,31-33 ; Mk 4,30-32 )

18 Mela qal: “Lil xiex tixbah is-Saltna ta’ Alla, u ma’ xiex se nxebbhuha?

19 Tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel qabad u żeragħha fil-ġnien tiegħu, u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar tal-ajru marru jbejtu fil-friegħi tagħha.”

20 U reġa’ qalilhom: “Ma’ xiex se nxebbahha s-Saltna ta’ Alla?

21 Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha.”


Il-bieb id-dejjaq
( Mt 7,13-14 . 21-23 )

22 Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f’xi bliet u rħula.

23 U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” U huwa weġibhom:

24 “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx.

25 Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, ‘Mulej, iftħilna.’ Iżda hu jweġibkom u jgħid, ‘Ma nafx mnejn intom.’

26 Imbagħad taqbdu tgħidulu, ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.’

27 Hu jwieġeb u jgħidilkom, ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!’

28 Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra.

29 U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.

30 U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar.”


Ġesù jitħassar lil Ġerusalemm
( Mt 23,37-39 ; Lq 19,41-44 )

31 Dak il-ħin stess resqu fuqu xi Fariżej u qalulu: “Mur, itlaq minn hawn, għax Erodi jrid joqtlok.”

32 U hu qalilhom: “Morru għidulu lil dak il-volpi, ‘Ara, jiena nkeċċi x-xjaten u nfejjaq il-mard illum u għada, u fit-tielet jum nasal fit-tmiem tiegħi.

33 Madankollu llum u għada u pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm.

34 Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx!

35 Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! U ngħidilkom, li m’intomx se terġgħu tarawni sa dakinhar li tgħidu, ‘Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!’ ”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy