Online Bible

- Reklamy -

LUQA 12 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 12 Twissija fuq il-wiċċ b’ieħor

1 Sadattant in-nies bdiet tinġabar bl-eluf, kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin. U hu qabad jgħid l-ewwelnett lid-dixxipli tiegħu: “Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej, jiġifieri mill-wiċċ b’ieħor tagħhom.

2 Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf.

3 Għalhekk, kulma tkunu għedtu fid-dlam għad jinstama’ fid-dawl, u kulma tkunu tkellimtu fil-widnejn, fil-kmamar ta’ ġewwa, għad jixxandar minn fuq il-bjut.


Minn min għandkom tibżgħu
( Mt 10,28-31 )

4 “Dan ngħidilkom, ħbieb tiegħi, tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iżjed.

5 Ħa nurikom jien minn min għandkom tibżgħu; ibżgħu minn Dak li, wara li jkun qatlek, għandu s-setgħa jixħtek ġol-infern. Iva, ngħidilkom, minn dan ibżgħu.

6 Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla.

7 U intom, sa x-xagħar ta’ raskom, kollu magħdud. Xejn la tibżgħu, għax intom aktar minn ħafna għasafar tal-bejt tiswew.


Id-dixxiplu jistqarr li hu ma’ Ġesù
( Mt 10,32-33 ; 12,32 )

8 “U ngħidilkom li kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li huwa miegħi, Bin il-bniedem ukoll jistqarr li huwa miegħu quddiem l-anġli ta’ Alla.

9 Iżda min jiċħad lili quddiem il-bnedmin, jien niċħad lilu quddiem l-anġli ta’ Alla.

10 U kull min jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jinħafirlux.

11 Meta jeħdukom quddiem is-sinagogi u l-kapijiet u s-setgħat, toqogħdux tħabblu raskom kif sejrin twieġbu jew x’sejrin tgħidu,

12 għax l-Ispirtu s-Santu jgħallimkom dak il-ħin stess x’għandkom tgħidu.”


Il-parabbola tal-għani iblah

13 Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.”

14 “Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”

15 Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.”

16 U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu.

17 U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu!

18 Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi.

19 Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!”

20 Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’

21 Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”


L-inkwiet u t-tħassib
( Mt 6,25-34 )

22 Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Għalhekk ngħidilkom, tinkwetawx ruħkom għall-ħajja, x’se tieklu, anqas għall-ġisem, x’se tilbsu.

23 Għax il-ħajja aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies.

24 Ħarsu lejn iċ-ċawl; la jiżra’ u lanqas jaħsad, la għandu mħażen u lanqas kmamar fejn jerfa’, u madankollu Alla jitimgħu. Wisq aktar mit-tajr tiswew intom!

25 U min minnkom, bl-inkwiet tiegħu kollu se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed?

26 Jekk mela anqas ħaġa tassew ċkejkna ma għandkom ħila tagħmlu, għaliex tinkwetaw ruħkom mill-bqija?

27 Araw il-ġilji kif jikbru: u la jitħabtu u lanqas jinsġu. Ngħidilkom li anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom.

28 Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna?

29 Hekk ukoll intom, toqogħdux tfittxu x’se tieklu u x’se tixorbu, u xejn titħassbu;

30 dawn kollha ħwejjeġ li jfittxuhom in-nies tad-dinja, u Missierkom jaf li teħtiġuhom.

31 Fittxu mela s-Saltna tiegħu, u magħha mbagħad iżidilkom dawn ukoll.


Teżori fis-sema
( Mt 6,19-20 )

32 “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!

33 Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar.

34 Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”


Il-qaddejja li jishru

35 “Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula;

36 kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih.

37 Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.

38 U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma!

39 Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru.

40 Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”


Il-qaddej il-fidil u l-qaddej il-ħażin
( Mt 24,45-51 )

41 “Mulej,” qallu Pietru, “din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”

42 Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel?

43 Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan.

44 Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.

45 Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor;

46 sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili.

47 U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’.

48 Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.


Firda minħabba Ġesù
( Mt 10,34-36 )

49 “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!

50 Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ!

51 Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda;

52 għax mil-lum ’il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta;

53 jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha.”


Iż-żmien jgħallem
( Mt 16,2-3 )

54 Lin-nies qalilhom ukoll: “Meta taraw sħaba tielgħa mill-punent, malajr tgħidu li tkun ġejja x-xita; u hekk jiġri.

55 U meta jonfoħ ir-riħ isfel, tgħidu li sħana se tagħmel; u tagħmel tassew.

56 Uċuħ b’oħra, tafu taqraw wiċċ is-sema, u wiċċ l-art ukoll; mela ż-żmien ta’ issa kif ma tafux tfissruh?”


Irranġa ma’ min jixlik
( Mt 5,25-26 )

57 “U għala ma tiġġudikawx intom stess x’inhu s-sewwa?

58 Jekk xi ħadd ikun se jtellgħek il-qorti, int u sejjer miegħu quddiem il-maġistrat, ħabrek biex tirranġa miegħu kif tkunu għadkom fit-triq, li ma jmurx ikaxkrek quddiem l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn l-esekutur tas-sentenza, u dan imbagħad jitfgħek il-ħabs;

59 għax kif ngħidlek jien, ma toħroġx minn hemm ġew qabel ma tkun ħallast sa l-inqas ħabba.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy