LEVITIKU 9 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 9 L-ewwel sagrifiċċju ta’ Aron 1 Fit-tmien jum Mosè sejjaħ lil Aron u ’l uliedu u x-xjuħ ta’ Iżrael. 2 U qal lil Aron: “Ħu għoġol mill-merħla għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u muntun għas-sagrifiċċju tal-ħruq, it-tnejn bla difett, u offrihom quddiem il-Mulej. 3 U int kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Ħudu bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, għoġol u ħaruf, it-tnejn tas-sena u bla difett, għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 4 u gendus u muntun għas-sagrifiċċju tas-sliem biex toqtluhom quddiem il-Mulej; u offerta tal-qmuħ miblula fiż-żejt; għax illum sa jidhrilkom il-Mulej.” 5 U ħadu kulma ordnalhom Mosè quddiem it-tinda tal-laqgħa; u resqet il-ġemgħa kollha u qagħdu bilwieqfa quddiem il-Mulej. 6 U Mosè qal: “Dan hu li ordnalkom tagħmlu l-Mulej, biex tidhrilkom il-glorja tal-Mulej.” 7 U Mosè mbagħad qal lil Aron: “Ersaq lejn l-artal u offri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni tiegħek, u s-sagrifiċċju tal-ħruq tiegħek, u agħmel espjazzjoni għalik u l-familja tiegħek; imbagħad offri s-sagrifiċċju tal-poplu, u agħmel espjazzjoni għalihom, bħalma wissa l-Mulej.” 8 U Aron resaq lejn l-artal, u qatel l-għoġol tal-purifikazzjoni tiegħu. 9 U wlied Aron newlulu d-demm, u bill sebgħu fid-demm u qiegħed minnu fuq qrun l-artal, u d-demm xerrdu ma’ riġlejn l-artal; 10 ix-xaħam u l-kliewi, u t-tebqa tal-fwied tal-vittma tal-purifikazzjoni, ħaraqhom fuq l-artal, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè. 11 U l-laħam u l-ġild ħaraqhom bin-nar barra l-kamp. 12 Imbagħad qatel il-vittma tas-sagrifiċċju tal-ħruq, u wlied Aron newlulu d-demm, u xerrdu fuq l-artal dawramejt. 13 Newlulu wkoll il-vittma għas-sagrifiċċju tal-ħruq imqattgħa bċejjeċ, u r-ras, u ħaraqhom fuq l-artal. 14 Imbagħad ħasel il-ġewwieni u s-saqajn, u ħaraqhom mal-vittma fuq l-artal. 15 U offra l-offerta tal-poplu, u ħa l-bodbod tal-purifikazzjoni tal-poplu, u qatlu u offrieh sagrifiċċju għall-purifikazzjoni bħal qabel. 16 U mbagħad offra s-sagrifiċċju tal-ħruq, kollox skont ir-rit. 17 Offra wkoll l-offerta tal-qmuħ, u ħa qabda ta’ id minnha u ħaraqha fuq l-artal, minn barra s-sagrifiċċju ta’ filgħodu. 18 Qatel imbagħad il-gendus u l-muntun b’sagrifiċċju tas-sliem tal-poplu, u wlied Aron newlulu d-demm u xerrdu fuq l-artal dawramejt; 19 u x-xaħam tal-gendus u tal-muntun, id-denb, ix-xaħam ta’ madwar il-ġewwieni, u l-kliewi u t-tebqa tal-fwied; 20 u qiegħdu x-xaħam fuq is-sidriet, u ħaraq ix-xaħam fuq l-artal. 21 Imma s-sidriet u s-sieq tal-lemin Aron xejjirhom quddiem il-Mulej skont ma kien ordnalu l-Mulej. 22 Imbagħad Aron għolla idejh fuq il-poplu u berikhom; u wara li temm joffri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-ħruq u s-sagrifiċċju tas-sliem, niżel. 23 U Mosè u Aron daħlu fit-tinda tal-laqgħa; u ħarġu u bierku l-poplu; u dehret il-glorja tal-Mulej lill-poplu kollu. 24 U ħareġ nar minn quddiem il-Mulej u kkonsma li kien hemm fuq l-artal; il-vittma tas-sagrifiċċju tal-ħruq, u x-xaħam; u l-poplu rah, u nfexx jgħajjat bil-ferħ, u nxteħet wiċċu fl-art. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society