Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 8 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 8 Il-konsagrazzjoni tal-qassisin

1 U l-Mulej kellem lil Mosè:

2 “Ħu lil Aron u ’l uliedu, l-ilbies, iż-żejt tal-konsagrazzjoni, il-gendus għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u ż-żewġ imtaten, u l-qoffa tal-ħobż ażżmu.

3 Laqqa’ l-ġemgħa kollha ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa.”

4 U Mosè għamel bħalma ordnalu l-Mulej, u nġabret il-ġemgħa kollha fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa.

5 U Mosè qal lill-ġemgħa: “Dan hu li ordna l-Mulej li jsir.”

6 U ressaq Mosè lil Aron, u ’l uliedu u ħasilhom bl-ilma.

7 U qegħedlu fuqu t-tonka, ħażżmu bit-terħa, u libbsu l-mantar fuqha, u qegħedlu fuqu l-efod u rabtu bil-faxxa tiegħu minsuġa bis-sengħa u xiddhulu.

8 U qegħedlu wkoll fuqu l-pettoral, u fil-pettoral qegħedlu l-Urim u t-Tummim.

9 Qegħedlu fuq rasu t-turbant, u fuq it-turbant, fuq quddiem, l-istrixxa tad-deheb u l-kuruna mqaddsa skont l-ordni li ta Alla lil Mosè.

10 U Mosè ħa ż-żejt tal-konsagrazzjoni u dilek it-tabernaklu u kulma kien fih u kkonsagrahom.

11 Imbagħad raxx minnu seba’ darbiet fuq l-artal u t-tagħmir kollu tiegħu, il-ħawt u l-maqgħad tiegħu.

12 U sawwab iż-żejt tal-konsagrazzjoni fuq ras Aron, u dilku u kkonsagrah.

13 Imbagħad Mosè ressaq lil ulied Aron u libbishom it-tonka, ħażżimhom bit-terħa, u xiddilhom it-turbant, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.

14 Imbagħad ressaq il-gendus tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u Aron u wliedu qiegħdu idejhom fuq ras il-gendus.

15 U Mosè qatlu, u ħa d-demm, u qiegħed minnu b’sebgħu fuq qrun l-artal, dawramejt, u hekk saffa l-artal; u xerred id-demm f’riġlejn l-artal, u kkonsagrah billi għamel l-espjazzjoni għalih.

16 Ħa mbagħad ix-xaħam kollu ta’ madwar il-ġewwieni, u t-tebqa tal-fwied, u ż-żewġ kilwiet b’xaħamhom, u ħaraq kollox fuq l-artal.

17 U l-gendus u l-ġild tiegħu, laħmu u ħmieġu, ħaraqhom kollha barra mill-kamp, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.

18 Ġieb imbagħad il-muntun tas-sagrifiċċju tal-ħruq, u Aron u wliedu qiegħdu idejhom fuq rasu;

19 u Mosè qatlu u xerred demmu fuq l-artal dawramejt.

20 Imbagħad qattgħu fi bċejjeċ u Mosè ħaraq rasu, il-bċejjeċ u x-xaħam.

21 U ħasel il-ġewwieni u s-saqajn bl-ilma; u Mosè ħaraq il-muntun kollu fuq l-artal b’sagrifiċċju tal-ħruq b’riħa tfuħ, vittma maħruqa lill-Mulej, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.

22 Imbagħad ġieb it-tieni muntun, il-muntun tal-konsagrazzjoni, u Aron u wliedu qiegħdu idejhom fuq ras il-muntun.

23 U Mosè qatlu u ħa minn demmu u qiegħed minnu fuq tarf il-widna l-leminija ta’ Aron u fuq is-saba’ l-kbir ta’ idu l-leminija u fuq is-saba’ l-kbir ta’ siequ l-leminija.

24 Imbagħad ressaq ukoll lil ulied Aron; u Mosè qiegħed mid-demm fuq tarf widinthom il-leminija, fuq is-saba’ l-kbir ta’ idhom il-leminija, fuq is-saba’ l-kbir ta’ sieqhom il-leminija; u mbagħad xerred id-demm fuq l-artal dawramejt.

25 Imbagħad ħa x-xaħam, id-denb u x-xaħam kollu ta’ fuq il-ġewwieni, u t-tebqa tal-fwied, u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam tagħhom, u s-sieq il-leminija;

26 imbagħad mill-qoffa tal-ħobż ażżmu ta’ quddiem il-Mulej ħa ftira ażżma, ftira oħra tal-ħobż biż-żejt, u oħra rqiqa, u qegħedhom fuq ix-xaħam u fuq is-sieq il-leminija.

27 U qiegħed kollox f’idejn Aron u f’idejn uliedu, u xejruhom quddiem il-Mulej.

28 U mbagħad Mosè ħadhom minn idejhom, u ħaraqhom fuq l-artal fuq il-vittma tal-ħruq. Dan hu sagrifiċċju tal-konsagrazzjoni, b’riħa tfuħ, sagrifiċċju maħruq lill-Mulej.

29 U ħa Mosè s-sidra tal-muntun u xejjirha quddiem il-Mulej. Dan hu sehem Mosè mill-muntun tal-konsagrazzjoni kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.

30 Mosè ħa wkoll miż-żejt tal-konsagrazzjoni, u mid-demm li kien hemm fuq l-artal, u raxxu fuq Aron u lbiesu, u fuq uliedu u lbieshom, u hekk ikkonsagrahom, lilhom u lil ilbieshom.

31 U Mosè qal lil Aron u lil uliedu: “Sajru l-laħam ħdejn bieb it-tinda tal-laqgħa, u hekk kuluh bil-ħobż li hemm fil-qoffa tal-konsagrazzjoni bħalma ordnali l-Mulej u qalli: ‘Jikluh Aron u wliedu.’

32 U l-laħam u l-ħobż li jifdal aħraqhom bin-nar.

33 U għal sebat ijiem toħorġux mill-bieb tat-tinda tal-laqgħa, sakemm jgħaddu l-jiem tal-konsagrazzjoni tagħkom; għaliex sebat ijiem iddum il-konsagrazzjoni tagħkom.

34 Il-Mulej ordna li jsir bħalma sar illum għall-espjazzjoni tagħkom.

35 Għal sebat ijiem intom toqogħdu billejl u binhar fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa tħarsu l-ordnijiet tal-Mulej, biex ma tmutux; għax hekk ordnali.”

36 U Aron u wliedu għamlu kulma ordnalhom il-Mulej permezz ta’ Mosè.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy