Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 7 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 7 Is-sagrifiċċju tar-riparazzjoni

1 “Din hi l-liġi għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni: ħaġa mill-aktar qaddisa.

2 Il-vittma tas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni joqtluha fejn joqtlu dik tas-sagrifiċċju tal-ħruq u demmha jxerrduh madwar l-artal.

3 U joffru minnha x-xaħam kollu tagħha, jiġifieri, id-denb, ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni,

4 iż-żewġ kilwiet bix-xaħam ta’ madwarhom in-naħa tal-ġenbejn, u t-tebqa tal-fwied li jaqlagħha minn ħdejn il-kliewi.

5 Il-qassis jaħraqhom fuq l-artal, ħruq lill-Mulej, sagrifiċċju ta’ riparazzjoni.

6 Kull raġel mill-qassisin jista’ jiekol minnu u jiekol fil-post qaddis, ħaġa mill-aktar qaddisa.

7 Liġi waħda hemm kemm għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni kemm għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni: tkun tal-qassis li biha jkun għamel l-espjazzjoni;

8 u l-qassis li jkun offra s-sagrifiċċju tal-ħruq ta’ xi ħadd jieħu l-ġild tal-vittma; din tkun tiegħu.

9 Kull offerta tal-qmuħ imsajra fil-kenur jew fil-borma jew fit-taġen tkun tal-qassis li joffriha.

10 U kull offerta tal-qmuħ miblula fiż-żejt jew xotta, tkun ta’ wlied Aron kollha, kull wieħed daqs l-ieħor.


Is-sagrifiċċju tas-sliem

11 “Din hi l-liġi dwar is-sagrifiċċju tas-sliem li wieħed joffri lill-Mulej.

12 Jekk joffriha b’radd il-ħajr, mal-vittma ta’ radd il-ħajr joffri wkoll ftajjar ażżmi miblula fiż-żejt, u ftajjar ażżmi rqaq midluka biż-żejt.

13 Flimkien mal-offerta tas-sagrifiċċju tas-sliem ta’ radd il-ħajr wieħed għandu joffri ftajjar bil-ħmira.

14 Minn kull xorta ta’ offerta għandu jagħti sehem bħala offerta lill-Mulej; din tmiss lill-qassis li jkun xerred id-demm tal-vittma tas-sliem.

15 Il-laħam imbagħad tas-sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr jittiekel dak in-nhar stess li ssir l-offerta; ma jitħalla xejn sa filgħodu.

16 Jekk wieħed jagħmel l-offerta b’wegħda jew minn rajh, il-vittma tista’ tittiekel dak in-nhar stess li joffriha, u l-għada jista’ jittiekel li jkun fadal;

17 u dak li jkun baqa’ mil-laħam tas-sagrifiċċju sat-tielet jum, jaħarqu fin-nar.

18 Jekk fit-tielet jum jiekol il-laħam li jkun fadal mill-vittma tas-sliem, min joffriha ma jkunx jogħġobni; ma jkun jgħoddlu xejn, għax tkun ħaġa moqżieża, u min jiekol minnha jitgħabba bil-piż ta’ dnubu.

19 Il-laħam li jmiss ma’ xi ħaġa mniġġsa ma għandux jittiekel, imma jinħaraq fin-nar; u mil-laħam jista’ jiekol kull min ikun safi.

20 Min jiekol mil-laħam tal-vittma tas-sagrifiċċju tas-sliem offert lill-Mulej u jkun imniġġes, ikun maqtugħ minn niesu.

21 Min, imbagħad, imiss ma’ xi ħaġa mniġġsa - bniedem, bhima, ħanex moqżież - u jiekol mil-laħam tas-sagrifiċċju tas-sliem offert lill-Mulej, ikun maqtugħ minn niesu.”

22 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

23 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom:

24 La tiklux mix-xaħam ta’ ebda gendus, nagħġa, jew mogħża. Tistgħu tagħmlu li jkollkom bżonn bix-xaħam ta’ bhima mejta jew żbranata, imma ma għandkomx tikluh.

25 Kull min jiekol mix-xaħam ta’ bhima, li minnha jkun offra xi biċċa biex tinħaraq quddiem il-Mulej, ikun maqtugħ minn niesu.

26 Ebda demm ma tieklu kull fejn tgħammru, ikun xi jkun, tat-tajr jew tal-bhejjem.

27 Kull min jiekol minn xi demm ikun maqtugħ minn niesu.”

28 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

29 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Min joffri sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej, iġib l-offerta tiegħu lill-Mulej mill-vittma tiegħu tas-sliem.

30 B’idu stess iġib x’għandu jaħraq lill-Mulej; iġib ix-xaħam mas-sidra, u s-sidra jxejjirha quddiem il-Mulej.

31 Imbagħad il-qassis jaħraq ix-xaħam fuq l-artal, u s-sidra tibqa’ għal Aron u wliedu;

32 tagħtu wkoll is-sieq il-leminija bħala offerta lill-qassis mill-vittmi tagħkom tas-sliem;

33 din is-sieq il-leminija tmiss b’sehmu lil bin Aron li jkun offra d-demm u x-xaħam tal-vittma tas-sliem.

34 Għax is-sidra li jxejjer u s-sieq li jxejjer, jien ħadthom mingħand ulied Iżrael fuq is-sagrifiċċji tagħhom tas-sliem u tajthom lil Aron il-qassis u lil uliedu, bi dritt għal dejjem mingħand ulied Iżrael.

35 “Dan hu s-sehem mill-vittmi l-maħruqa lill-Mulej, u ddedikati għal Aron u wliedu dak in-nhar li kienu ppreżentati biex iservu ta’ qassisin quddiem il-Mulej.

36 Dan hu li ordna l-Mulej dak in-nhar li kkonsagrahom, li jagħtuhom ulied Iżrael bi dritt għal dejjem minn nisel għal nisel.”

37 Din hi l-liġi dwar is-sagrifiċċju tal-ħruq, l-offerta tal-qmuħ, is-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tar-riparazzjoni, is-sagrifiċċju tal-konsagrazzjoni u s-sagrifiċċju tas-sliem,

38 skont ma ordna l-Mulej minn fuq il-muntanja tas-Sinaj, dak in-nhar li ordna lil ulied Iżrael li jagħmlu l-offerti tagħhom lill-Mulej fid-deżert tas-Sinaj.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy