LEVITIKU 6 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 6 Is-sagrifiċċju ta’ kuljum 1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Ordna lil Aron u lil uliedu, u għidilhom: Din hi l-liġi tas-sagrifiċċju tal-ħruq; il-vittma tinħaraq il-lejl kollu fuq maġmar fuq l-artal sas-sebħ u n-nar tal-artal jibqa’ mqabbad fih. 3 U l-qassis jilbes il-libsa tiegħu tal-għażel u l-qalziet tal-għażel fuq il-laħam, ineħħi l-irmied tal-vittma maħruqa bin-nar fuq l-artal, u jqiegħdu ħdejn l-artal. 4 Imbagħad jinża’ l-ħwejjeġ li jkollu fuqu, u jilbes oħrajn u joħroġ l-irmied minn nofs il-kamp f’post nadif. 5 In-nar ta’ fuq l-artal għandu jibqa’ mqabbad fuqu mingħajr qatt ma jintefa; u l-qassis kull filgħodu jaħraq il-ħatab fuqu, u jqiegħed fuqu l-vittma u jaħraq fuqu x-xaħam tas-sagrifiċċju tas-sliem. 6 In-nar fuq l-artal għandu jibqa’ jħeġġeġ għal dejjem u ma għandu jintefa qatt. L-offerta tal-qmuħ 7 “Din hi l-liġi tal-offerta tal-qmuħ; ulied Aron iressqu l-offerta quddiem il-Mulej; quddiem l-artal. 8 Il-qassis jerfa’ minnha qabda smid biż-żejt u l-inċens ta’ fuq l-offerta, u jaħraq kollox fuq l-artal, ħruq b’riħa tfuħ b’tifkira quddiem il-Mulej. 9 “Il-fdal tal-offerta tal-qmuħ jikluh Aron u wliedu; jikluh bla ħmira f’post qaddis, u jikluh fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa. 10 Ma jsajruhx bil-ħmira. Nagħtihulhom b’sehemhom mill-offerti maħruqin lili; hi ħaġa mill-aktar qaddisa, bħall-vittma tal-purifikazzjoni u tar-riparazzjoni. 11 “Jista’ jiekol minnha kull raġel fost ulied Aron. Dan hu dritt tagħhom għal dejjem, minn nisel għal nisel, fuq kull offerta li tinħaraq quddiem il-Mulej; kulma jmiss magħhom jitqaddes.” L-offerta tal-konsagrazzjoni 12 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 13 “Din hi l-offerta li Aron u wliedu għandhom iressqu quddiem il-Mulej f’jum il-konsagrazzjoni tagħhom: waħda minn għaxra ta’ efa smid, bħala offerta ta’ kuljum, nofsha filgħodu u nofsha filgħaxija. 14 Tħejjiha fit-taġen biż-żejt; iġġibha mħallta sewwa, u toffriha misjura ftiet ftiet, b’riħa tfuħ quddiem il-Mulej. 15 U joffriha l-qassis, li jkun ikkonsagrat flok Aron minn fost uliedu. Din hi liġi għal dejjem: tinħaraq għall-Mulej; tinħaraq għalkollox. 16 Kull offerta ta’ qassis tinħaraq kollha kemm tkun; ma jittiekel xejn minnha.” Is-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni 17 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 18 “Kellem lil Aron u lil uliedu: Din hi l-liġi dwar il-vittma tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni: joqtluha fejn joqtlu l-vittma tas-sagrifiċċju tal-ħruq, quddiem il-Mulej; ħaġa mill-aktar qaddisa. 19 Jikolha l-qassis li jkun qatilha; jikolha f’post qaddis fil-bitħa tat-tinda tal-laqgħa. 20 Kulma jmiss ma’ laħamha jkun qaddis, u jekk joqtor id-demm fuq il-ħwejjeġ, fejn joqtor fuqu jinħasel f’post sagru. 21 Il-borma tal-fuħħar li tkun mgħollija fiha, titkisser; jekk tkun mgħollija f’borma tal-bronż, din għandha tingħorok u titlaħlaħ bl-ilma. 22 Kull raġel fil-familja tal-qassisin jista’ jiekol minnha; hi ħaġa mill-aktar qaddisa. 23 Imma kull vittma tas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, li jieħdu minn demmha fit-tinda tal-laqgħa għall-espjazzjoni fil-maqdes, ma jittiekel xejn minnha, imma għandha tinħaraq fin-nar. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society