LEVITIKU 5 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 5 Sagrifiċċji oħra 1 “Wieħed li jkun imġiegħel jaħlef bħala xhud, u ma jgħidx dak li ra jew li jkun jaf, jidneb u jpatti għal dnubu. 2 Wieħed li jmiss xi ħaġa mniġġsa, bħalma hu ġisem mejjet ta’ annimal tad-dar jew selvaġġ imniġġes, jew ta’ xi ħanex imniġġes, bla ma jintebaħ, 3 jew jekk imiss xi nġiesa tal-bniedem, li jista’ jitniġġes biha, bla ma jintebaħ, malli jsir jaf jaqa’ fil-ħtija. 4 Wieħed li jaħlef bla ma jaħsibha, għall-ġid jew għad-deni, f’kull ħaġa li wieħed jista’ jaħlef bla ma jintebaħ, malli jintebaħ jaqa’ fil-ħtija ta’ kull waħda minn dawn il-ħwejjeġ. 5 “Kull meta xi ħadd ikun ħati ta’ waħda minn dawn il-ħwejjeġ, jistqarr fiex dineb; 6 u jġib vittma għar-riparazzjoni quddiem il-Mulej għad-dnub li jkun għamel; mara mill-merħla tan-nagħaġ jew tal-mogħoż, bħala sagrifiċċju għall-purifikazzjoni, u l-qassis jaqlagħlu l-maħfra tal-ħtija tiegħu. 7 “Imma jekk ma jkunx jista’ jagħti mill-merħla, iġib bħala vittma għar-riparazzjoni żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet lill-Mulej, waħda għall-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq. 8 Iġibhom lill-qassis biex l-ewwel joffri l-vittma tal-purifikazzjoni; jilwilha rasha minn ħdejn għonqha, bla ma jaqtagħha 9 u jroxx id-demm tal-vittma tal-purifikazzjoni mal-ġnub tal-artal u jagħsru f’riġlejn l-artal; dan hu s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. 10 Il-vittma l-oħra joffriha b’sagrifiċċju tal-ħruq, skont ir-rit. Hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta’ dak li jkun għamlu u jaqlagħlu l-maħfra. 11 “Jekk imbagħad anqas ma jkun jiflaħ jagħti żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet, iġib offerta bi tpattija għad-dnub mill-għaxra waħda ta’ efa smid għall-purifikazzjoni, bla ma jitfa’ fuqu żejt jew inċens, għax din hi offerta tal-purifikazzjoni. 12 Jagħtiha lill-qassis, u l-qassis jieħu minnha b’mimli idu b’tifkira, u jaħraqha fuq l-artal fuq l-offerti bin-nar lill-Mulej; din hi offerta tal-purifikazzjoni. 13 Hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta’ dak li jkun naqas f’xi waħda minn dawn il-ħwejjeġ, u jaqlagħlu l-maħfra. Dak li jibqa’ mill-vittma jmiss lill-qassis bħal fl-offerta tal-qmuħ.” Is-sagrifiċċji tar-riparazzjoni 14 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 15 “Wieħed li jidneb bla ma jintebaħ u jonqos fl-obbligi tiegħu mqaddsa lejn il-Mulej, joffri b’riparazzjoni muntun bla difett mill-merħla, li jkun jiswa b’kemm-il xekel tal-fidda tistmah int, skont ix-xekel tas-santwarju. Din hi offerta tal-purifikazzjoni. 16 U hekk ipatti għall-ħsara li jkun għamel lis-santwarju, u miegħu jżid waħda mill-ħamsa ta’ kemm tkun stmajtu. Jagħtih lill-qassis u l-qassis jagħmel l-espjazzjoni bl-offerta tal-muntun tar-riparazzjoni, u jaqlagħlu l-maħfra. 17 “Jekk xi ħadd jaqa’ fid-dnub, u jagħmel xi ħaġa minn dak li l-Mulej ordna li ma għandkomx tagħmlu, bla ma jintebaħ, għandu jpatti u jħallas għal dnubu. 18 Iġib lill-qassis muntun bla difett mill-merħla, li jkun jiswa skont ma tistmah int, bħala offerta għar-riparazzjoni, u l-qassis jagħmel l-espjazzjoni għal dak li jkun għamel id-dnub bla ma jrid u ma ntebaħx, u hekk jaqlagħlu l-maħfra. 19 Din hi offerta ta’ riparazzjoni; għax kien ħati tassew ta’ dnub quddiem il-Mulej.” 20 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 21 “Jekk xi ħadd jidneb u jonqos lill-Mulej billi jiċħad lil għajru xi oġġett merfugħ, mirhun jew misruq, jew iqarraq bih b’mod jew ieħor, 22 jew inkella jsib xi oġġett mitluf, u jiċħdu minnu, jew jaħlef fil-falz f’xi ħaġa minn kulma jista’ jidneb biha, 23 jekk jagħmel dan, jidneb u jkun ħati. U għandu jrodd l-oġġett li jkun seraq jew kiseb bil-qerq, jew li kien merfugħ għandu, jew mitluf u sabu hu, 24 u kull ħaġa li jkun ħalef fil-falz għaliha; għandu jroddu kollu kemm hu, u jżid miegħu waħda mill-ħamsa ta’ kemm tkun stmajtu, u jagħtih lil sidu dak in-nhar li joffri l-offerta tar-riparazzjoni. 25 U jġib għand il-qassis, bħala offerta tar-riparazzjoni lill-Mulej, muntun bla difett mill-merħla, skont ma tistmah int għar-riparazzjoni, 26 u l-qassis jagħmel l-espjazzjoni għalih quddiem il-Mulej, u jinħafirlu kulma jkun għamel u sar ħati minħabba fih.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society