LEVITIKU 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 4 Sagrifiċċji tal-purifikazzjoni 1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta xi ħadd bla ma jrid jikser xi waħda mil-liġijiet kollha tal-Mulej u jagħmel xi ħaġa li ma għandux jagħmel, 3 jekk il-midneb ikun il-qassis il-midluk u jkun ġieb il-ħtija fuq il-poplu, joffri lill-Mulej għall-ħtija li jkun għamel għoġol bla difett. 4 “Iġib l-għoġol fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa quddiem il-Mulej, u jmidd idu fuq ras l-għoġol u joqtol l-għoġol quddiem il-Mulej. 5 U l-qassis il-midluk jieħu mid-demm tal-għoġol u jieħdu fit-tinda tal-laqgħa. 6 Imbagħad il-qassis ibill sebgħu fid-demm u jroxx id-demm seba’ darbiet quddiem il-Mulej lejn il-velu tas-santwarju. 7 U l-qassis iqiegħed ftit demm fuq qrun l-artal tal-inċens ifuħ, li qiegħed quddiem il-Mulej, fit-tinda tal-laqgħa, u l-bqija tad-demm tal-għoġol ixerrdu taħt l-artal tas-sagrifiċċju li hemm quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. 8 U x-xaħam kollu tal-għoġol tal-ħtija ineħħih minnu; ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni u x-xaħam kollu ta’ fuq il-ġewwieni, 9 u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam ta’ fuqhom ta’ mal-ġenbejn u t-tebqa tal-fwied, li jaqlagħha minn mal-kliewi, 10 bħalma jneħħuhom mill-għoġol tas-sagrifiċċju tas-sliem; u l-qassis imbagħad jaħraqhom fuq l-artal tas-sagrifiċċju tal-ħruq. 11 U l-ġild tal-għoġol, u laħmu kollu, b’rasu u saqajh, bil-ġewwieni u l-ħmieġ, 12 l-għoġol kollu jeħduh barra l-kamp, f’post nadif fejn jarmu l-irmied, u jaħarquhom fuq il-ħatab bin-nar. Jaħarqu kollox fejn jintrema l-irmied. 13 “Jekk il-ġemgħa kollha ta’ Iżrael tidneb bla ma tintebaħ billi tkun għamlet xi ħaġa minn dak li l-Mulej ordna li ma għandux isir, u dan jibqa’ moħbi għal għajnejn il-ġemgħa, xorta ssir ħatja; 14 u malli jsiru jafu bil-ħtija li jkunu waqgħu fiha, il-ġemgħa kollha għandha toffri għoġol għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u jġibuh quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. 15 “Ix-xjuħ tal-ġemgħa jmiddu idejhom fuq ras l-għoġol quddiem il-Mulej, u wieħed minnhom joqtol l-għoġol quddiem il-Mulej. 16 U l-qassis il-midluk jieħu mid-demm tal-għoġol fit-tinda tal-laqgħa. 17 Imbagħad il-qassis ibill sebgħu fid-demm, u jroxxu seba’ darbiet quddiem il-Mulej lejn il-velu. 18 Iqiegħed ukoll ftit demm fuq qrun l-artal li hemm quddiem il-Mulej fit-tinda tal-laqgħa, u l-bqija tad-demm ixerrdu f’riġlejn l-artal tas-sagrifiċċju li jinsab quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. 19 Imbagħad jieħu x-xaħam tiegħu kollu u jaħarqu fuq l-artal; 20 u jagħmel mill-għoġol, bħalma jagħmel mill-għoġol tal-purifikazzjoni; hekk jagħmel minnu; hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għalihom u jaqilgħu l-maħfra. 21 U jieħu l-għoġol ’il barra mill-kamp u jaħarquh bħalma jaħarqu l-għoġol l-ieħor. Dan hu s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni tal-ġemgħa. 22 “Jekk xi wieħed mill-kapijiet jidneb u jagħmel bla ma jrid xi ħaġa li l-Mulej, Alla tiegħu, ordna li ma għandhiex issir, u hekk jaqa’ fid-dnub, 23 malli jintebaħ bid-dnub li jkun għamel, jagħmel offerta ta’ bodbod bla difett. 24 Imidd idu fuq ras il-bodbod u joqtlu fejn joqtlu l-vittmi quddiem il-Mulej. Dan hu sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. 25 Il-qassis imbagħad jieħu ftit mid-demm tal-vittma b’sebgħu u jqiegħdu fuq il-qrun tal-artal tas-sagrifiċċju, u l-bqija tad-demm ixerrdu f’riġlejn l-artal tas-sagrifiċċju. 26 U x-xaħam kollu tiegħu jaħarqu fuq l-artal bħax-xaħam tal-vittma tas-sliem. U l-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta’ dak li jkun, u jaqlagħlu l-maħfra. 27 “Jekk xi ħadd mill-poplu jidneb bla ma jintebaħ u jagħmel xi ħaġa minn dak li l-Mulej ordna li ma għandhiex issir, u jaqa’ fid-dnub, 28 malli jintebaħ bid-dnub li jkun għamel iġib offerta ta’ mogħża, bla nuqqas, bi tpattija għad-dnub li jkun għamel. 29 Imbagħad imidd idu fuq ras il-vittma għall-espjazzjoni u joqtolha fil-post tas-sagrifiċċju. 30 Il-qassis jieħu ftit mid-demm b’sebgħu, u jqiegħdu fuq il-qrun tal-artal tas-sagrifiċċju, u jxerred id-demm f’riġlejn l-artal. 31 U x-xaħam kollu jaqilgħu bħalma jaqla’ x-xaħam mill-vittma tas-sliem, u l-qassis jaħarqu fuq l-artal b’riħa tfuħ lill-Mulej, u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta’ dak li jkun, u jaqlagħlu l-maħfra. 32 “Jekk iġib ħaruf b’offerta biex ipatti għall-ħtija, iġibu mara bla difett; 33 u jmidd idu fuq ras il-vittma għall-espjazzjoni, u joqtolha b’sagrifiċċju tal-purifikazzjoni fejn joqtlu l-vittmi għas-sagrifiċċju. 34 U l-qassis jieħu ftit mid-demm b’sebgħu, u jqiegħdu fuq il-qrun tal-artal tas-sagrifiċċju, u l-bqija tad-demm ixerrdu f’riġlejn l-artal. 35 U x-xaħam kollu jaqilgħu bħalma jaqla’ x-xaħam mill-vittma tas-sliem, u l-qassis jaħarqu fuq il-vittmi maħruqa lill-Mulej fuq l-artal; u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għad-dnub ta’ dak li jkun għamlu, u jaqlagħlu l-maħfra. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society