LEVITIKU 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 3 Sagrifiċċji tas-sliem 1 “Jekk xi ħadd joffri sagrifiċċju tas-sliem, jekk l-offerta tkun mill-baqar, għandu joffriha bla difett, raġel jew mara, quddiem il-Mulej. 2 Iqiegħed idu fuq ras il-vittma, u joqtolha fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u l-qassisin, ulied Aron, ixerrdu d-demm madwar l-artal. 3 Hu joffri mill-vittma tas-sliem biex jinħaraq quddiem il-Mulej ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni u x-xaħam kollu ta’ fuq il-ġewwieni, 4 iż-żewġ kilwiet, u x-xaħam ta’ fuqhom ta’ mal-ġenbejn, u t-tebqa tal-fwied, li tinqala’ minn ħdejn il-kliewi. 5 U wlied Aron imbagħad jaħarquh fuq il-vittma ta’ fuq il-ħatab, li jkun hemm fuq in-nar; ħruq ta’ riħa tfuħ lill-Mulej. 6 “Jekk xi ħadd joffri sagrifiċċju tas-sliem mill-imrieħel lill-Mulej, l-offerta, raġel jew mara, għandha tkun bla difett. 7 Jekk l-offerta tkun ta’ ħaruf, iġibu quddiem il-Mulej, 8 iqiegħed idu fuq ras il-vittma u joqtlu fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u wlied Aron ixerrdu d-demm madwar l-artal. 9 Mill-vittma tas-sliem jagħti għall-ħruq lill-Mulej: xaħamha, id-denb sħiħ, li jaqtgħu minn ħdejn is-sinsla, u x-xaħam li jiksi l-ġewwieni u x-xaħam kollu ta’ fuq il-ġewwieni, 10 u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam ta’ fuqhom ta’ mal-ġenbejn, it-tebqa tal-fwied, li tinqala’ minn ħdejn il-kliewi. 11 Imbagħad il-qassis jaħraq kollox fuq l-artal bħala ikel maħruq lill-Mulej. 12 “Jekk xi ħadd joffri mogħża, iġibha quddiem il-Mulej; 13 iqiegħed idu fuq rasha, u joqtolha fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u wlied Aron ixerrdu d-demm tagħha madwar l-artal. 14 U joffri minnha bħala offerta tiegħu għall-ħruq quddiem il-Mulej ix-xaħam li jiksi l-ġewwieni, u x-xaħam kollu ta’ fuq il-ġewwieni 15 u ż-żewġ kilwiet u x-xaħam ta’ mal-ġenbejn, u t-tebqa tal-fwied li tinqata’ minn ħdejn il-kliewi. 16 Imbagħad il-qassis jaħraqhom fuq l-artal, ikel maħruq ta’ riħa tfuħ. Ix-xaħam kollu jmiss lill-Mulej. 17 “Din hi liġi għal dejjem minn ġenerazzjoni għal oħra, tkun fejn tkun tgħammar. La tiekol ebda xaħam u ebda demm.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society