LEVITIKU 27 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 27 Il-wegħdi u l-għexur 1 U kellem il-Mulej lil Mosè u qallu: 2 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta xi ħadd jagħmel wegħda lill-Mulej b’kemm tiswa ħajja ta’ bniedem, 3 iqis ħamsin xekel tal-fidda skont ix-xekel tas-santwarju għal raġel bejn l-għoxrin u s-sittin sena; 4 u għal mara, tletin xekel; 5 u għal raġel bejn il-ħames snin u l-għoxrin, għoxrin xekel; u għal mara, għaxar xwiekel; 6 għal raġel minn xahar sa ħames snin, ħames xwiekel, u mara, tliet xwiekel tal-fidda; 7 u għal raġel ta’ sittin sena u fuqhom, ħmistax-il xekel, u għal mara, għaxar xwiekel. 8 Jekk ikun fqir, u ma jiflaħx iħallas, jippreżenta ruħu quddiem il-qassis, u jara l-qassis kemm ikun jiswa; u l-qassis jistmah skont ma jkun jiflaħ min jagħmel il-wegħda. 9 “Jekk tkun bhima li tista’ tingħata lill-Mulej b’sagrifiċċju, kulma jingħata minnha lill-Mulej ikun ikkonsagrat. 10 Ma tistax tingħata ħaġa b’oħra, lanqas tinbidel ħaġa tajba f’waħda ħażina, u lanqas ħażina f’waħda tajba; jekk wieħed jibdilha, bhima b’bhima, il-waħda u l-oħra jkunu kkonsagrati. 11 Jekk tkun bhima mniġġsa li ma tistax tingħata b’offerta lill-Mulej, jippreżentaw il-bhima quddiem il-qassis. 12 U hu, tajba jew ħażina, jistmaha; u kemm jistmaha l-qassis, daqshekk tkun tiswa. 13 U jekk wieħed ikun irid jifdiha, iżid mill-ħamsa waħda ma’ kemm tkun tiswa. 14 “Meta wieħed jikkonsagra daru u jqaddisha lill-Mulej, jistmaha l-qassis, tajba jew ħażina; u kemm jistmaha l-qassis, daqshekk tkun tiswa. 15 U jekk min jikkonsagraha jkun irid jifdiha, iżid mill-ħamsa waħda mal-flus li tkun tiswa, u tkun tiegħu. 16 “Jekk wieħed jikkonsagra xi ħaġa mill-wirt tar-raba’ tiegħu lill-Mulej, inti tistmaha skont kemm tieħu żerriegħa, ħamsin xekel tal-fidda għal kull ħomer żerriegħa tax-xgħir. 17 Jekk jikkonsagra l-għalqa tiegħu mis-sena tal-ġublew, il-ħlas jibqa’ sħiħ kif ikun. 18 Imma jekk jikkonsagraha wara s-sena tal-ġublew, il-qassis jgħoddlu l-flus skont is-snin li jkun baqa’ għas-sena tal-ġublew; u dan jitnaqqas mill-prezz li tkun tiswa. 19 U jekk ikun irid jifdi l-għalqa li jkun ikkonsagra, iżid mill-ħamsa waħda ma’ kemm tkun stmajtha, u tkun tiegħu. 20 U jekk ma jifdix l-għalqa u jbigħha lil ħaddieħor, ma tkunx tista’ tinfeda aktar. 21 U meta toħroġ l-għalqa ħielsa fis-sena tal-ġublew, din tkun ikkonsagrata lill-Mulej, bħall-art li tkun imwarrba u kkonsagrata lill-Mulej, u ssir propjetà tal-qassis. 22 “Jekk xi ħadd jikkonsagra lill-Mulej art li jkun xtara, u mhux mir-raba’ li jkun wiret, 23 il-qassis jistmaha kemm tiswa sas-sena tal-ġublew, u jagħti kemm tkun tiswa dakinhar, u tkun ikkonsagrata lill-Mulej. 24 Fis-sena tal-ġublew l-għalqa terġa’ lura għand min ikun xtraha mingħandu, jiġifieri għand sid l-art. 25 Kull stima ssir skont ix-xekel tas-santwarju, għoxrin gera x-xekel. 26 “Ħadd ma jista’ jikkonsagra lill-Mulej l-ewwel ferħ tal-bhejjem, għax dan hu l-bikri tal-Mulej, sew jekk ikun tal-baqar, sew tan-nagħaġ, għax dan hu diġà tal-Mulej. 27 Jekk tkun bhima mniġġsa jifdiha b’kemm tkun tiswa u jżid mill-ħamsa waħda ma’ prezzha; u jekk ma jifdihiex tinbiegħ b’kemm tistmaha. 28 Ebda ħaġa li wieħed ikun warrab minn kulma jkollu - bniedem, bhima, raba’ li jkun wiret - ma tista’ tinbiegħ jew tinfeda; kull ħaġa mwarrba tkun mill-aktar sagra lill-Mulej. 29 L-ebda bniedem imwarrab ma jista’ jinfeda, iżda għandhom jagħtuh il-mewt. 30 “L-għexur kollha tal-uċuħ tal-art, mill-qmuħ tar-raba’ u mill-frott tas-siġar, huma tal-Mulej u kkonsagrati lill-Mulej. 31 U jekk wieħed ikun irid jifdi xi ħaġa minnhom, iżid mill-ħamsa waħda magħhom. 32 L-għexur tal-baqar u tal-imrieħel huma dawn: l-għaxar ferħ minn kull għaxra, li jgħaddu minn taħt il-ħatar, ikun ikkonsagrat lill-Mulej. 33 Ma joqgħodx jara jekk ikunx tajjeb jew ħażin; u ma jibdlux; u jekk jibdlu, it-tnejn, sew il-wieħed u sew l-ieħor, ikunu kkonsagrati lill-Mulej, u ma jistgħux jinfdew.” 34 Dawn huma l-ordnijiet li ordna l-Mulej lil Mosè għal ulied Iżrael fuq il-muntanja tas-Sinaj. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society