LEVITIKU 26 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 26 Il-barka għal min iħares il-liġi 1 “Tagħmlux allat foloz, twaqqfux xbihat jew plieri; ebda ħaġra maħduma ma tagħmlu f’artkom biex tadurawha: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 2 “Ħarsu s-Sibtijiet imqaddsa tiegħi u weġġħu s-santwarju tiegħi: Jiena l-Mulej. 3 “Jekk timxu skont il-liġijiet tiegħi u tħarsu l-kmandamenti tiegħi u tagħmluhom, 4 nagħtikom ix-xita f’waqtha u l-art trodd l-uċuħ tagħha, u s-siġar tar-raba’ l-frott tagħhom. 5 Għalikom id-dris jilħaq ġbir l-għeneb; u ġbir l-għeneb jilħaq żmien iż-żrigħ, ħobżkom sax-xaba’ tieklu u tgħammru b’moħħkom mistrieħ f’artkom. 6 Nagħtikom is-sliem fl-art, u torqdu bla biża’ ta’ ħadd; neqred il-bhejjem feroċi mill-art, u x-xabla ma tgħaddix minn artkom. 7 U tagħmlu għal wara l-għedewwa tagħkom, u jaqgħu quddiemkom bix-xabla. 8 Ħamsa minnkom iħarrbu mija, u mija minnkom iħarrbu għaxart elef u jaqgħu quddiemkom l-għedewwa tagħkom bix-xabla. 9 Indur lejkom, inkattarkom u nkabbarkom, u nżomm il-patt tiegħi magħkom. 10 Tieklu mill-ħażna l-qadima, u tarmu l-qadim għax jilħaq il-ġdid. 11 U nwaqqaf l-għamara tiegħi f’nofskom, u ma nistmellkomx. 12 U nitlajja f’nofskom u nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi. 13 Jiena Alla tagħkom li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu, biex ma tkunux ilsiera tagħhom, u kissirt l-irbit tal-madmad tagħkom u mexxejtkom b’raskom merfugħa. Kastigi għall-ħżiena 14 “Jekk ma tisimgħux minn kliemi, u ma tagħmlux dawn l-ordnijiet kollha, 15 jekk tmaqdru l-liġijiet tiegħi, u tistmellu d-digrieti tiegħi, u ma tagħmlux il-kmandamenti tiegħi, u tiksru l-patt tiegħi, 16 jien nagħmel l-istess magħkom u nibagħtilkom għal għarrieda biża’ kbir, mard irqiq, u deni li jkiddulkom għajnejkom u jifnulkom ħajjitkom. Għalxejn tiżirgħu, għax il-miżrugħ tagħkom jikluh l-għedewwa tagħkom. 17 Indawwar wiċċi kontrikom, u jħarbtukom l-għedewwa tagħkom, u jaħkmukom dawk li jobogħdukom, u taħarbu bla ma ħadd ikun ġej warajkom. 18 “Jekk b’danakollu ma tisimgħux minni, inkompli nikkastigakom għal seba’ darbiet aktar minn dnubietkom. 19 U nkisser il-qawwa u s-suppervja tiegħek, u nagħmel smewwietek bħall-ħadid, u artek bħall-bronż. 20 Saħħtek tisfa’ fix-xejn, u artek ma troddx l-uċuħ tagħha, u s-siġar tar-raba’ ma jagħtux il-frott tagħhom. 21 U jekk tkomplu teħduha miegħi, u ma tkunux tridu tisimgħu minni, inżid id-daqqa għal seba’ darbiet aktar minn dnubietkom. 22 U nitlaq f’nofskom il-bhejjem selvaġġi, u jneżżgħukom minn uliedkom, u jeqirdulkom il-bhejjem tagħkom, u lilkom iġibukom fix-xejn, u triqatkom isiru deżert. 23 U jekk b’danakollu ma titrażżnux quddiemi, u tibqgħu żżommuli iebes, 24 jiena wkoll inżommilkom iebes u nidrobkom ukoll għal seba’ darbiet aktar minn dnubietkom. 25 U nġib kontrikom ix-xabla biex titħallas tal-ksur tal-patt; tinġabru fi blietkom u nibagħtilkom il-pesta, u tintelqu f’idejn l-għedewwa. 26 Naqtgħalkom il-ħobż li jgħajjixkom, u għaxar nisa jaħmu ħobżkom f’kenur wieħed, u jrodduhulkom bl-użin, u tieklu bla ma tixbgħu. 27 “U jekk ma tisimgħux lanqas b’dan, u tibqgħu żżommuli iebes, 28 jien niqfilkom bil-qilla tiegħi u nikkastigakom seba’ darbiet aktar minn dnubietkom. 29 U tieklu l-laħam ta’ wliedkom, il-laħam tas-subien u l-bniet tagħkom. 30 “Is-santwarji tal-għoljiet tagħkom inġarrafhom, u nħott l-artali tal-inċens tagħkom, nitfa’ fuqhom l-iġsma tagħkom fuq ix-xbihat imfarrka tagħkom, u tistmellhom ruħi. 31 U nagħmel minn blietkom ħerba, u neqred l-imqades tagħkom, u ma nxommx ir-riħa tal-bħur tagħkom. 32 Nagħmel ħerba mill-art, u jistagħġbu biha l-għedewwa tagħkom li jgħammru fiha. 33 U lilkom inxerred fost il-ġnus, u nislet ix-xabla għal warajkom, u artkom issir deżert u blietkom ħerba. 34 “Imbagħad tifraħ l-art bis-sibtijiet tagħha, sakemm iddum imħarbta u intom f’art l-għedewwa tagħkom; tistrieħ l-art u titgħaxxaq bis-sibtijiet tagħha. 35 Tistrieħ kemm iddum il-ħerba, talli ma streħitx f’sibtijietek meta kontu tgħammru fiha intom. 36 Dawk li jibqa’ minnkom, nimlielhom qalbhom b’biża’ kbir f’art l-għedewwa tagħkom, u jaħarbu mal-ħoss taċ-ċaqliq ta’ werqa, u jaħarbu bħalma jaħarbu quddiem ix-xabla, u jaqgħu fuq xulxin bla ma ħadd jiġri warajhom. 37 Jitfixklu wieħed f’ieħor bħal quddiem ix-xabla bla ma ħadd jiġri warajhom, u ħadd minnkom ma jieqaf lill-għedewwa. 38 Tintilfu fost il-ġnus u tiblagħkom art l-għedewwa tagħkom. 39 U dawk li jifdal minnkom jinfnew bi ħżunithom f’art l-għedewwa tagħkom u minħabba dnubiet missirijiethom bħalhom jintemmu. 40 “Meta jistqarru dnubiethom u dnubiet missirijiethom li għamlu b’għemilhom kontra tiegħi, u talli baqgħu jżommuli iebes, 41 hekk li jiena wkoll kelli nżommilhom iebes, u nġibhom f’art l-għedewwa tagħhom; u meta titrattab il-qalb iebsa tagħhom u jħallsu minn qalbhom għal ħtijiethom; 42 imbagħad jien niftakar fil-patt tiegħi ma’ Ġakobb, u l-patt tiegħi ma’ Iżakk; u niftakar fil-patt tiegħi ma’ Abraham, u niftakar fl-art ukoll. 43 Imma qabel ikollhom iħallu l-art, u din tifraħ bis-sibtijiet tagħha fil-ħerba tagħha minħabba fihom, u huma jħallsu minn qalbhom għal ħtijiethom, talli warrbu l-liġijiet u stmerrew l-ordnijiet tiegħi. 44 “Madankollu lanqas meta jkunu f’art l-għedewwa tagħhom ma nitlaqhom jew nistmerrhom; ma nasalx biex neqridhom, u nikser il-patt tiegħi magħhom: Jiena l-Mulej Alla tagħhom. 45 “Niftakar minħabba fihom fil-patt ma’ missirijiethom, li jien kont ħriġt l-ewwel mill-art tal-Eġittu taħt għajnejn il-ġnus, biex jien inkun Alla tagħhom: Jiena l-Mulej.” 46 Dawn huma l-kmandamenti, il-preċetti u liġijiet li waqqaf il-Mulej bejnu u bejn ulied Iżrael fuq il-muntanja tas-Sinaj permezz ta’ Mosè. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society