Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 25 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 25 Is-sena tal-mistrieħ

1 U l-Mulej kellem lil Mosè fuq il-muntanja Sinaj u qallu:

2 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li jien se nagħtikom, ikollha l-art is-Sibt tagħha, il-mistrieħ tagħha f’ġieħ il-Mulej:

3 sitt snin tiżra’ r-raba’ tiegħek, u sitt snin tiżbor id-dwieli tiegħek, u tiġbor il-frott tagħhom.

4 Imma fis-seba’ sena l-art ikollha l-mistrieħ tas-Sibt, mistrieħ f’ġieħ il-Mulej: la tiżrax ir-raba’ tiegħek, la tiżborx id-dwieli tiegħek.

5 Dak li jinbet minn fdal il-ħsad tiegħek la tiġbrux, u l-għeneb tad-dwieli li ma tkunx żbart, la taqtgħux. Għax hi s-sena tal-mistrieħ tas-Sibt tal-art.

6 Imma dak li trodd l-art fil-mistrieħ tagħha, tistgħu tikluh; int, il-qaddej u l-qaddejja tiegħek, il-ħaddiem mikri tiegħek, il-barranin li jkunu miegħek,

7 il-bhejjem tad-dar u l-bhejjem selvaġġi. Kulma trodd jista’ jittiekel.


Is-sena tal-ġublew

8 “Imbagħad tgħodd seba’ ġimgħat ta’ snin, seba’ snin għal seba’ darbiet, li jġibu disgħa u erbgħin sena.

9 U ddoqq it-tromba fl-għaxra tas-seba’ xahar, f’jum l-espjazzjoni, u ssemmgħu t-trombi ma’ artkom kollha.

10 Tqaddsu intom il-ħamsin sena u tniedu l-ħelsien fl-art lil kull min jgħammar fiha. Tkun is-sena tal-ġublew għalikom: kull wieħed jerġa’ għal li kellu u għal ma’ niesu.

11 Tkun għalikom il-ħamsin sena, is-sena tal-ġublew; la tiżirgħu u lanqas taħsdu milli tnibbet l-art, u anqas tiġbru l-għeneb mid-dwieli bla żbir.

12 Għax hu żmien il-ġublew, żmien li għandkom tqaddsu, u tieklu mir-raba’ dak li trodd l-art.

13 “F’din is-sena tal-ġublew kulħadd jerġa’ lura għal li kellu.

14 Meta tbigħ lil għajrek, jew tixtri mingħandu, tagħfsux lil xulxin.

15 Skont l-għadd tas-snin mill-aħħar ġublew tixtri mingħand għajrek, skont is-snin tal-għadd tal-uċuħ tar-raba’ tiegħek ibegħlek.

16 Aktar ma jkun fadal snin, aktar iżżid fil-ħlas; u inqas ma jkun fadal snin, inqas tħallas, għax għadd ta’ wċuħ ikun qiegħed ibegħlek.

17 La tagħfsux wieħed lil ieħor, u ibżgħu minn Alla tagħkom, għax jien il-Mulej Alla tagħkom.

18 Agħmlu l-liġijiet u ħarsu d-digrieti tiegħi; agħmluhom, u tgħammru fl-art b’moħħkom mistrieħ.

19 U l-art trodd il-frott tagħha, u tieklu sa tixbgħu, u tgħammru fiha b’moħħkom mistrieħ.

20 Tistgħu tgħiduli: ‘X’se nieklu fis-seba’ sena? Għax, ara, la sa niżirgħu u anqas naħsdu.’

21 Imma jien ngħidilkom: ‘Nibagħtilkom il-barka tiegħi fis-sitt sena, u troddilkom frott għal tliet snin.’

22 Imbagħad tiżirgħu fit-tmien sena, u tieklu mill-frott ta’ qabel sad-disa’ sena sakemm jilħaq il-frott tagħha.

23 “L-art, imbagħad, ma għandhiex tinbiegħ għal dejjem, għax l-art hi tiegħi, u intom qiskom frustieri jew qegħdin miegħi.

24 Imma fl-art kollha li tkun tagħkom, ħallu fuq l-art li tinbiegħ id-dritt tal-fidwa.

25 Jekk jiftaqar ħuk, u dan ibigħ xi sehem mir-raba’ tiegħu, jekk imbagħad jiġi xi qarib tiegħu bid-dritt tal-fidwa, dan jista’ jifdi dak li jkun biegħ ħuk.

26 U min ma jkollux qarib bid-dritt tal-fidwa, imma jkun faddal kemm tiswa l-fidwa tagħha,

27 jgħodd is-snin minn meta jkun biegħ, u jrodd il-bqija lil min ikun biegħ, u jerġa’ għall-proprjetà tiegħu.

28 Imma jekk ma jkollux biżżejjed biex iroddlu, l-art mibjugħa tibqa’ għand ix-xerrej sas-sena tal-ġublew, u meta jibda l-ġublew, il-bejjiegħ jerġa’ jieħu l-proprjetà tiegħu.

29 “Meta xi ħadd ibigħ dar abitabbli f’belt bis-swar, jibqagħlu d-dritt tal-fidwa sa tmiem is-sena, minn mindu jkun biegħ; u jkollu żmien sena biex jifdiha.

30 U jekk id-dar ma tinfediex qabel ma tintemm is-sena sħiħa, id-dar li tkun f’belt bis-swar tibqa’ għal dejjem għand ix-xerrej u għal ta’ warajh, u ma toħroġx ħielsa fil-ġublew.

31 Id-djar li jkunu fl-irħula miftuħa bla swar madwarhom, jitqiesu bħar-raba’ tal-art; ikollhom fuqhom id-dritt tal-fidwa u fil-ġublew joħorġu ħielsa.

32 “Imma l-ibliet tal-Leviti, u d-djar li jkollhom fihom, jibqgħalhom dejjem fuqhom id-dritt tal-fidwa.

33 Jekk xi ħadd ikun xtara dar mingħand il-Leviti, id-dar li tkun inbiegħet fil-belt ta’ wirthom toħroġ ħielsa fil-ġublew, għax il-Leviti m’għandhomx proprjetà f’nofs Iżrael ħlief id-djar ta’ bliethom.

34 U anqas ma għandu jinbiegħ ir-raba’ ta’ madwar il-bliet tagħhom, għax dan hu proprjetà tagħhom għal dejjem.

35 “Jekk jiftaqar ħuk u jiġi b’xejn, int għandek tgħinu, bħalma tgħin lill-barrani jew lill-frustier; u hu jgħix miegħek.

36 Teħodlux imgħax, u anqas żjieda fuq is-self; imma ibża’ minn Alla tiegħek u jgħix ħuk miegħek.

37 Tisilfux flusek bl-imgħax, u anqas tagħtih l-ikel tiegħek bi ħlas żejjed:

38 Jiena l-Mulej Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art tal-Eġittu, biex nagħtikom l-art ta’ Kangħan, u nkun Alla tagħkom.

39 “Jekk jiftaqar ħuk miegħek u jkollu jinbiegħ lilek, la tħaddmux xogħol ta’ lsir.

40 Ikun miegħek bħal ħaddiem imħallas, jew bħal barrani li qiegħed miegħek, u jaħdimlek sas-sena tal-ġublew.

41 U joħroġ mingħandek, hu u wliedu miegħu, u jerġa’ lura lejn niesu u l-proprjetà ta’ missirijietu.

42 Għax huma l-ilsiera tiegħi, li ħriġthom mill-art tal-Eġittu, u ma għandhomx jinbiegħu bħala lsiera.

43 La taħkmux bl-aħrax, imma ibża’ minn Alla.

44 “L-ilsiera, irġiel jew nisa, li jkollkom, tixtruhom mingħand il-ġnus ta’ madwarkom;

45 u minn fost ulied il-barranin li jkunu magħkom, u minn nieshom li jgħammru magħkom u twieldu f’artkom tistgħu tixtru, u jkunu proprjetà tagħkom.

46 U tistgħu tħalluhom b’wirt lil uliedkom warajkom biex ikunu proprjetà tagħhom għal dejjem: taħdmu bihom. Imma fuq ħutkom, ulied Iżrael, ma għandkomx taħkmu bl-aħrax, wieħed fuq l-ieħor.

47 “Jekk jistagħna l-barrani, jew il-frustier, li jkun miegħek, u jiddejjen miegħu ħuk, u dan jinbiegħ lill-barrani, jew lill-frustier, li jkun miegħek, jew lil xi ħadd minn nisel barrani,

48 wara li jkun inbiegħ jibqagħlu d-dritt tal-fidwa; ikun jista’ jifdih xi ħadd minn ħutu,

49 jew zijuh, jew kuġinuh, jew xi ħaddieħor minn niesu; jew jekk jistagħna hu stess, jifdi lilu nnifsu.

50 Jibda jgħodd is-snin, hu u x-xerrej, mis-sena meta nbiegħ sas-sena tal-ġublew, u l-ħlas tal-bejgħ ikun skont dawn is-snin; ikun il-ħlas għalih daqs il-ħlas ta’ ħaddiem imħallas għall-istess żmien.

51 Jekk ikun għad fadal ħafna snin, iħallas fuqhom għall-fidwa tiegħu mill-flus li jkun mixtri bihom.

52 Jekk ikun fadal ftit snin sal-ġublew, jgħoddhom, u fuqhom iħallas għall-fidwa tiegħu.

53 Ikun miegħu bħal ħaddiem imħallas, sena b’sena, u m’għandux jaħkmu bl-aħrax taħt għajnejk.

54 Jekk b’danakollu ma jkunx mifdi, joħroġ ħieles fis-sena tal-ġublew, hu u wliedu miegħu.

55 “Għaliex ulied Iżrael huma lsiera tiegħi, ilsiera li jien ħriġt mill-art tal-Eġittu. Jiena l-Mulej Alla tagħkom.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy