LEVITIKU 24 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 24 L-imnara u l-ħobż tal-preżenza 1 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Ordna lil ulied Iżrael iġibulek żejt pur taż-żebbuġ misħuq għall-imnara, biex tixgħel l-imsiebaħ kuljum. 3 Aron imbagħad iħejjih bl-ordni ’l barra mill-velu, quddiem ix-xhieda miktuba fit-tinda tal-laqgħa, minn filgħaxija sa filgħodu quddiem il-Mulej, kuljum; din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. 4 Jieħu ħsieb kuljum l-imsiebaħ fuq l-imnara nadifa quddiem il-Mulej. 5 “Ħu wkoll dqiq fin u aħbeż tnax-il ftira, b’żewġ għexur ta’ efa dqiq il-waħda. 6 Qegħedhom f’żewġ ringieli, sitta kull waħda, fuq il-mejda tad-deheb fin quddiem il-Mulej. 7 Roxx inċens pur fuq ir-ringieli, u jkun fuq il-ħobż bħal tifkira, li tinħaraq f’ġieħ il-Mulej. 8 Kull nhar ta’ Sibt iqegħduhom bl-ordni dejjem quddiem il-Mulej, patt għal dejjem għal ulied Iżrael. 9 Imbagħad ikunu ta’ Aron u ta’ wliedu, u jikluhom f’post imqaddes, għax hi ħaġa mill-aktar qaddisa li tmiss lilu bi dritt mill-offerti tal-ħruq lill-Mulej għal dejjem.” Kastigi għall-midgħi bl-Isem tal-Mulej 10 Kien hemm wieħed bin mara Iżraelija u raġel Eġizzjan; u dan ħareġ f’nofs ulied Iżrael. U ġġieldu fil-kamp bin il-mara Iżraelija u raġel minn Iżrael. 11 U bin l-Iżraelija dagħa bl-Isem u seħtu; imbagħad ġibuh quddiem Mosè. Ommu kien jisimha Selomit bint Dibri, mit-tribù ta’ Dan. 12 U ħallewh fl-għassa, sakemm il-Mulej jurihom x’kellhom jagħmlu. 13 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 14 “Oħroġ lil dak il-midgħi barra mill-kamp, u jqiegħdu idejhom fuq rasu dawk kollha li semgħuh jidgħi, u l-poplu kollu jħaġġru. 15 Imbagħad kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Kull min jisħet lil Alla tiegħu, jitgħabba bil-piż ta’ dnubu, 16 u min jidgħi b’isem il-Mulej jagħtuh il-mewt, u tħaġġru l-ġemgħa kollha, sew jekk ikun barrani, sew jekk ikun mill-pajjiż; kull min jidgħi bl-Isem jagħtuh il-mewt. 17 “Kull min jaħbat għal bniedem u joqtlu, jagħtuh il-mewt. 18 U kull min jaħbat għal bhima, iroddha, ħajja b’ħajja. 19 Min jagħmel xi ħsara lil għajru, jagħmlulu bħalma jkun għamel hu; 20 ksur bi ksur, għajn b’għajn, sinna b’sinna; il-ħsara li jkun għamel lil ħaddieħor, jagħmluha lilu. 21 Min joqtol bhima, iroddha; u min joqtol bniedem jagħtuh il-mewt. 22 Liġi waħda jkollkom sew għall-barrani u sew għan-nies mill-pajjiż; għax jiena l-Mulej Alla tagħkom.” 23 U meta Mosè kellem lil ulied Iżrael, ħarġu lill-midgħi barra l-kamp, u ħaġġruh. Hekk għamlu wlied Iżrael, skont ma kien ordna l-Mulej lil Mosè. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society