LEVITIKU 23 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 23 Il-festi: il-ħarsien tas-Sibt 1 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Il-festi tal-Mulej, li intom tniedu, il-laqgħat imqaddsa, dawn huma festi tiegħi. 3 Għal sitt ijiem tagħmel ix-xogħol tiegħek, u fis-seba’ jum ikun is-Sibt tal-mistrieħ u l-laqgħa mqaddsa; ebda xogħol ma tagħmlu, għax hu l-mistrieħ tal-Mulej, kull fejn tkunu tgħammru. 4 Dawn huma l-festi tal-Mulej, il-laqgħat imqaddsa li għandkom tniedu fi żmienhom. Il-festa tal-Għid 5 “Fl-ewwel xahar, fl-erbatax tax-xahar, filgħaxija bejn ħajta dawl u oħra dlam, l-Għid tal-Mulej. 6 U fil-ħmistax-il jum tal-istess xahar issir il-festa tal-ħobż ażżmu lill-Mulej; għal sebat ijiem tieklu ħobż bla ħmira. 7 Fl-ewwel jum ikollkom il-laqgħa mqaddsa, u ma tagħmlu ebda xogħol. 8 Għal sebat ijiem toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej, u fis-seba’ jum issir laqgħa mqaddsa u ma tagħmlu ebda xogħol.” 9 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 10 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li jien se nagħtikom u taħsdu l-ħsad, ġibu l-ewwel qatta tal-ħsad lill-qassis. 11 U hu jxejjirha quddiem il-Mulej, biex togħġbuh; ixejjirha l-għada tas-Sibt. 12 Dak in-nhar li l-qassis ixejjer il-qatta tagħkom, intom toffru ħaruf, tas-sena, bla difett, b’sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej, 13 bl-offerta tal-qmuħ miegħu ta’ żewġ għexur ta’ efa dqiq miblul fiż-żejt, biex jinħaraq b’riħa tfuħ lill-Mulej u tiswiba ta’ libazzjoni ta’ kwart ta’ ħinn inbid. 14 Ħobż u qamħ inkaljat jew nej ma tiklux f’dan il-jum, qabel ma ġġibu l-offerta ta’ Alla tagħkom. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha kull fejn tkunu.” Għid il-Ħamsin 15 “Għoddu seba’ ġimgħat sħaħ mill-għada tas-Sibt, u minn meta tkunu offrejtu l-qatta u xejjirtuha quddiem il-Mulej. 16 Tgħoddu ħamsin jum sal-għada tas-seba’ Sibt; imbagħad iġġibu offerta ġdida tal-qamħ lill-Mulej. 17 Minn kull fejn tgħammru ġġibu żewġ ħobżiet għat-tixjir, ta’ żewġ għexur ta’ efa dqiq moħmija bil-ħmira, bħala offerta tal-bikri lill-Mulej. 18 U toffru wkoll mal-ħobż sebat iħrief bla difett, tas-sena, u għoġol, u żewġ bdabad għal sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; u offerta tal-qmuħ u tiswiba magħhom; ħruq b’riħa tfuħ lill-Mulej. 19 Toffru wkoll bodbod b’sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u żewġt iħrief tas-sena b’sagrifiċċju tas-sliem. 20 U l-qassis ixejjirhom flimkien mal-ħobż tal-bikri u maż-żewġt iħrief, tixjira quddiem il-Mulej; u jkunu mqaddsin lill-Mulej, u jibqgħu għall-qassis. 21 Dak in-nhar stess issejħu u jkollkom laqgħa mqaddsa; ma tagħmlu ebda xogħol. Liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha kull fejn tkunu. 22 “Meta taħsdu l-ħsad ta’ artkom, tibqax sejjer taħsad sa tarf l-għalqa, u la tlaqqatx li jaqa’ mill-ħsad tiegħek; ħallih għall-fqir u għall-barrani: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.” L-ewwel tas-sena ċivili 23 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 24 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Fis-seba’ xahar, fl-ewwel tax-xahar, ikollkom mistrieħ kbir, taħbira bit-trombi u laqgħa mqaddsa. 25 Ma tagħmlu ebda xogħol iebes, u toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej.” Jum l-Espjazzjoni 26 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 27 “Fl-għaxra ta’ dan is-seba’ xahar ikun Jum l-Espjazzjoni; ikollkom laqgħa mqaddsa, u tgħakksu ruħkom, u toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej. 28 Ma tagħmlu ebda xogħol dak in-nhar; għaliex hu jum l-espjazzjoni, meta ssir l-espjazzjoni għalikom quddiem il-Mulej Alla tagħkom. 29 Kull min ma jitgħakkisx dak in-nhar jinqata’ ’l barra mill-poplu tiegħu. 30 U kull min jagħmel xi xogħol dak in-nhar neqirdu mill-poplu tiegħu. 31 La tagħmlu ebda xogħol. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha kull fejn tkunu tgħammru. 32 Ikollkom il-mistrieħ tas-Sibt u titgħakksu; fid-disa’ jum tax-xahar filgħaxija, minn filgħaxija sa filgħaxija, tieħdu l-mistrieħ tagħkom.” Il-festa tal-Għerejjex 33 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 34 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Fil-ħmistax ta’ dan is-seba’ xahar, tagħmlu l-festa tal-Għerejjex għal sebat ijiem f’ġieħ il-Mulej. 35 “Fl-ewwel jum ikollkom laqgħa mqaddsa; ma tagħmlu ebda xogħol. 36 Għal sebat ijiem toffru s-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; fit-tmien jum ikollkom laqgħa mqaddsa; dak in-nhar toffru sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej; tkun laqgħa solenni, ma tagħmlu ebda xogħol dak in-nhar. 37 “Dawn huma l-festi tal-Mulej li għandkom tniedu, u fihom tagħmlu l-laqgħat imqaddsa, u toffru lill-Mulej il-vittmi bin-nar; is-sagrifiċċji tal-ħruq, l-offerti tal-qmuħ, sagrifiċċji u tiswib, kull ħaġa fil-jum tagħha, 38 barra mis-Sibtijiet tal-Mulej, u barra mill-għotjiet tagħkom, u l-wegħdiet tagħkom u l-offerti ta’ devozzjoni, li tkunu tridu tagħtu lill-Mulej. 39 “Fil-ħmistax tas-seba’ xahar, meta tkunu ġbartu l-frott tal-art, tagħmlu l-festa tal-Mulej għal sebat ijiem, bil-mistrieħ tas-Sibt fl-ewwel u fit-tmien jum. 40 Fl-ewwel jum tieħdu l-frott ta’ siġar sbieħ, friegħi tal-palm friegħi tas-siġar ħodor, żafżâf tax-xmara, u tifirħu quddiem il-Mulej Alla tagħkom għal sebat ijiem. 41 U tagħmlu festa f’ġieħ il-Mulej ta’ sebat ijiem fis-sena. Din hi liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom. Tagħmluha fis-seba’ xahar tas-sena. 42 Tgħammru fl-għerejjex għal sebat ijiem; kull min twieled f’Iżrael jgħammar fl-għarix, 43 biex ikunu jafu dawk li jiġu warajkom li wlied Iżrael kienu jgħammru fl-għerejjex meta jien ħriġthom mill-art tal-Eġittu: Jiena l-Mulej Alla tagħkom.” 44 U Mosè nieda l-festi tal-Mulej lil ulied Iżrael. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society