Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 22 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 22 Min jgħix mill-artal

1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu

2 “Għid lil Aron u lil uliedu, li jżommu ’l bogħod mill-ħwejjeġ imqaddsa li wlied Iżrael jikkonsagraw lili, u ma jipprofanawx l-isem qaddis tiegħi: Jiena l-Mulej.

3 Għidilhom: Jekk xi ħadd minn uliedkom jersaq lejn il-ħwejjeġ qaddisa li jikkonsagraw ulied Iżrael lill-Mulej, meta jkun imniġġes, dan il-bniedem jitwarrab minn quddiemi: Jiena l-Mulej.

4 “Ħadd minn nisel Aron li jkollu l-ġdiem jew xi nxija ma għandu jiekol mill-offerti mqaddsa sakemm ma jitnaddafx; lanqas min ikun mess xi ħaġa mniġġsa b’ġisem mejjet, jew li kellu tixrid iż-żerriegħa,

5 jew ikun mess xi ħanex li jniġġsu, jew xi bniedem li jista’ jitniġġes minnu, tkun xi tkun l-inġiesa.

6 Min imiss xi ħaġa minn dawn jibqa’ mniġġes sa filgħaxija, u ma jistax jiekol mill-offerti mqaddsa, jekk ma jinħasilx.

7 Meta tkun niżlet ix-xemx u jkun tnaddaf, imbagħad jiekol mill-offerti mqaddsa, għax huma iklu.

8 Bhejjem mejta jew żbranati ma jikolx, inkella jitniġġes bihom: Jiena l-Mulej.

9 “Ħa jħarsu l-preskrizzjonijiet tiegħi, u ma jitgħabbewx bi dnubhom, u jmutu bih għax ikunu pprofanaw l-ikel: Jiena l-Mulej li nqaddishom.

10 “L-ebda bniedem profan ma għandu jiekol mill-offerti mqaddsa, u lanqas ma għandu jiekol minnhom min joqgħod ma’ qassis jew ħaddiem mikri.

11 Jekk qassis jixtri xi bniedem bi flusu, dan jista’ jiekol minnu; jistgħu jieklu wkoll minn ħobżu l-imweldin f’daru.

12 U bint il-qassis, li tkun miżżewġa lil wieħed profan, ma tistax tiekol mill-offerta qaddisa.

13 U bint il-qassis, li tkun armla jew imkeċċija, u ma jkollhiex tfal, u tkun reġgħet lura għand missierha, bħal meta kienet xebba, tista’ tiekol minn ikel missierha; imma l-ebda profan ma jista’ jiekol minnu.

14 “Min jiekol xi ħaġa mill-ikel imqaddes bi żball, għandu jroddha lill-qassis b’kemm tiswa u jżid mill-ħamsa waħda.

15 Il-qassisin ma għandhomx jipprofanaw l-offerti mqaddsa li wlied Iżrael jagħmlu lill-Mulej;

16 u jgħabbuhom bid-dnub, li jkollhom iħallsu għalih, talli jkunu kielu l-ikel imqaddes tagħhom: Jiena l-Mulej li nqaddishom.”


Is-sagrifiċċji

17 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

18 “Kellem lil Aron, lil uliedu u lil ulied Iżrael kollha, u għidilhom: Meta wieħed minn dar Iżrael, jew xi barrani li jkunu f’nofs Iżrael, ikun irid jagħmel sagrifiċċju b’wegħda jew b’devozzjoni, bħalma meta joffru s-sagrifiċċji tal-ħruq lill-Mulej,

19 biex jingħoġbu, għandhom joffru vittma li tkun raġel, bla difett, mill-baqar, min-nagħaġ, jew mill-mogħoż.

20 Kulma jkun b’xi nuqqas toffruhx, għax ma jkunilkomx mogħġub.

21 Meta wieħed joffri sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej biex itemm xi wegħda jew b’devozzjoni, għandu joffri xi vittma mill-baqar, jew min-nagħaġ, bla difett, biex tingħoġob; ma għandu jkollha ebda nuqqas.

22 Għomja, mifluġin, immankati, miġruħa b’mard tal-ġilda jew bil-ħakk jew bil-ħżież, la toffruhomx lill-Mulej; la taħarqux minnhom fuq artal il-Mulej.

23 Toffrux gendus, jew ħaruf, kbir jew żgħir iżżejjed; tista’ toffrih b’devozzjoni, iżda mhux b’wegħda, għax ma jingħoġobx.

24 Bhima b’testikoli mgħattnin jew misħuqin, maqlugħin jew maqtugħin, la toffrihiex lill-Mulej. F’artkom ma għandkomx tagħmlu dan.

25 Lanqas ma għandkom teħduhom mingħand il-barranin, u toffruhom b’ikel lil Alla tagħkom. Għax huma mmankati, u fihom l-għajb, u għalhekk intom ma tingħoġbux.”

26 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

27 “Għoġol, ħaruf jew gidi, malli jitwieled, jibqa’ sebat ijiem ma’ ommu. Mit-tmien jum ’il quddiem jista’ jkun milqugħ b’offerta għas-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej.

28 La toqtolx baqra jew nagħġa, u l-ferħ tagħhom, fl-istess jum.

29 Meta toffru sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr lill-Mulej, qisu li toffruh b’mod li intom tingħoġbu quddiemu;

30 kuluh dak in-nhar stess, u tħallu xejn minnu għall-għada: Jiena l-Mulej.

31 “Ħarsu l-ordnijiet tiegħi u agħmluhom: Jiena l-Mulej.

32 “Tipprofanawx l-isem qaddis tiegħi, u jien nitqaddes fost ulied Iżrael: Jiena l-Mulej li nqaddiskom,

33 li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu, biex inkun Alla tagħkom: Jiena l-Mulej.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy