LEVITIKU 21 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 21 Il-qdusija tal-qassisin 1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Kellem lill-qassisin, ulied Aron, u għidilhom: Ħadd minn niesu ma għandu jitniġġes għall-mejjet, 2 ħlief għal min jiġi minnu mill-qrib, jiġifieri għal ommu, għal missieru, għal ibnu, għal bintu, għal ħuh. 3 Jista’ jitniġġes ukoll għal oħtu, qariba tiegħu, li tkun għadha xebba, u mhux miżżewwġa. 4 Ir-raġel miżżewweġ ma għandux jitniġġes u jipprofana ruħu, minħabba nies il-mara. 5 Ma għandhomx iqaxxru rashom dawra tond, u ma jaqtgħux truf leħithom, u ma jqattgħux ġisimhom. 6 Għandhom ikunu qaddisin lil Alla tagħhom, u ma jipprofanawx isem Alla tagħhom, għax huma joffru s-sagrifiċċji maħruqa, ikel lil Alla tagħhom, u għalhekk għandhom ikunu qaddisin. 7 Ma jeħdux b’marthom mara żienja, jew mara li tilfet xbubitha, jew inkella waħda mkeċċija minn żewġha, għaliex hu qaddis lil Alla tiegħu; 8 u ta’ qaddis għandek iżżommu, għax hu joffri l-ikel ta’ Alla tiegħek. Qaddis ikun għalik, għax qaddis jien il-Mulej, li nqaddiskom. 9 U bint qassis li titkasbar biż-żina u bil-prostituzzjoni, tkun qiegħda tipprofana lil missierha, u għandhom jaħarquha bin-nar. 10 “Il-qassis il-kbir fost ħutu, dak li kien imsawwab iż-żejt tal-konsagrazzjoni fuq rasu, u mogħtija lilu s-setgħa li jilbes l-ilbies sagru, ma għandux iħabbel xagħar rasu, u anqas iċarrat ilbiesu. 11 “Ma għandu jersaq lejn ebda mejjet, u ma għandux jitniġġes, lanqas għal missieru jew ommu. 12 Ma għandux joħroġ mis-santwarju u lanqas jipprofana s-santwarju ta’ Alla tiegħu, għaliex għandu fuqu ż-żejt tal-konsagrazzjoni ta’ Alla tiegħu: Jiena l-Mulej. 13 “Għandu jiżżewweġ xebba. 14 Ma għandux jieħu armla, jew mara mkeċċija minn żewġha, jew waħda mkasbra biż-żina; imma għandu jieħu xebba minn niesu. 15 U ma jipprofanax lil nislu fost niesu: Jiena l-Mulej li nqaddsu.” Il-qassis għandu jkun bla tebgħa 16 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 17 “Kellem lil Aron u għidlu: Ħadd minn nislek fil-ġenerazzjonijiet kollha tagħhom, li jkollu xi difett, ma għandu jersaq biex joffri l-ikel lil Alla. 18 Ħadd li jkollu xi difett: agħma, zopp, wiċċu sfigurat, għaġeb, 19 riġlu jew idu miksura, 20 ħotbi, qerqni, bil-bjada f’għajnejh, b’mard tal-ġilda, bil-ħakk, b’testikoli mgħaffġa. 21 Ħadd minn nisel Aron il-qassis, li jkollu xi difett bħal dan, ma għandu jersaq joffri s-sagrifiċċji maħruqa lill-Mulej. Min għandu xi difett ma għandux joffri l-ikel ta’ Alla tiegħu. 22 Iżda jista’ jiekol l-ikel ta’ Alla tiegħu, ħwejjeġ qaddisa u mill-aktar imqaddsa. 23 Imma ma jidħolx ’il ġewwa mill-velu, u lanqas ma għandu jersaq lejn l-artal, għax għandu difett u ma għandux jipprofana s-santwarju tiegħi. Jiena l-Mulej li nqaddishom.” 24 Dan qal Mosè lil Aron u lil uliedu, u lil ulied Iżrael kollha. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society