Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 2 Offerti tal-qmuħ

1 “Meta xi ħadd irid jagħmel offerta tal-qmuħ lill-Mulej, għandu joffri s-smid; u jsawwab fuqha ż-żejt, u jixħet fuqha l-inċens.

2 Iġibha għand il-qassisin ulied Aron, u l-qassis jieħu daqs qabda ta’ id smid biż-żejt u l-inċens, u jaħraqha b’tifkira fuq l-artal, ħruq b’riħa tfuħ quddiem il-Mulej.

3 Il-bqija tal-offerta tmur għal Aron u wliedu. Din hi l-biċċa l-aktar qaddisa minn dak li jkun inħaraq quddiem il-Mulej.

4 “Jekk tkun trid toffri offerta maħbuża fuq il-kenur, din għandha tkun ta’ ftajjar ażżmi tas-smid miblula fiż-żejt, jew ftajjar irqaq ażżmi midlukin biż-żejt.

5 “Jekk l-offerta tiegħek tkun imsajra fit-taġen, għandha tkun bis-smid u miblula fiż-żejt u bla ħmira.

6 Agħmilha ftiet, u sawwab fuqha ż-żejt; għax hi offerta tal-qmuħ.

7 “Jekk l-offerta tiegħek tkun offerta msajra f’borma, agħmilha tas-smid biż-żejt.

8 U ġib l-offerta li tkun lestejt lill-Mulej, u agħtiha lill-qassis, biex iressaqha fuq l-artal.

9 Imbagħad il-qassis jerfa’ biċċa minnha b’tifkira, u jaħraqha fuq l-artal, ħruq b’riħa tfuħ quddiem il-Mulej.

10 Il-bqija tal-offerta tmur għal Aron u wliedu. Din hi l-biċċa l-aktar qaddisa minn dak li jkun inħaraq quddiem il-Mulej.

11 “Kull offerta li tagħmlu lill-Mulej ma għandkomx tagħmluha bil-ħmira; għax ma għandekx taħraq ħmira jew għasel quddiem il-Mulej.

12 Tistgħu toffruhom lill-Mulej bħala offerta tal-bikri, imma ma jkunux maħruqa b’riħa tfuħ.

13 Kull offerta li toffri ixħtilha l-melħ u tħallix barra mill-offerta tiegħek il-melħ tal-patt ta’ Alla tiegħek; ma’ kull offerta tiegħek offri l-melħ.

14 U kull meta tagħmel offerta tal-bikri lill-Mulej, offri sbul inkaljat bin-nar, qamħ ġdid misħuq b’offerta tal-bikri.

15 Int issawwab iż-żejt fuqha, u tixħet fuqha l-inċens. Din hi offerta tal-qamħ.

16 Il-qassis imbagħad jaħraq b’tifkira biċċa mill-qamħ misħuq u miż-żejt bl-inċens b’kollox; din hi offerta bin-nar lill-Mulej.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy