LEVITIKU 19 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 19 Preskrizzjonijiet reliġjużi u morali 1 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Għid lill-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael: Għandkom tkunu qaddisin, għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom. 3 “Kull wieħed għandu jweġġaħ lil ommu u ’l missieru u jħares is-Sibtijiet tiegħi: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 4 “La ddurux lejn l-allat foloz, u tagħmlux allat tal-metall imdewweb: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 5 “Meta toffru s-sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej, qisu li toffruh b’mod li tkunu milqugħin tajjeb. 6 Il-vittma tikluha dak in-nhar li tissagrifikawha, jew l-għada; u l-fdal minnha taħarquh bin-nar fit-tielet jum. 7 Jekk tikluha fit-tielet jum, tkun ħżienet u ma tingħoġobx. 8 Min jiekol jitgħabba bil-piż ta’ dnubu, għax ikun ipprofana ħaġa mqaddsa tal-Mulej, u jkun maqtugħ mill-poplu tiegħu. 9 “Meta taħsdu l-ħsad ta’ artkom, tibqax sejjer taħsad sa tarf l-għalqa, u lanqas ma għandek tlaqqat li jaqa’ mill-ħsad tiegħek. 10 “Ma għandekx taqta’ l-frott kollu tad-dwieli tiegħek, u la tlaqqatx li jaqa’ fl-art; ħallih għall-fqir u għall-barrani: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 11 “La tisirqux, la tgħidux kliem b’ieħor, la tqarrqux b’xulxin. 12 “La taħilfux b’ismi fil-gideb, lanqas ma għandek iżżeblaħ lil isem Alla tiegħek: Jiena l-Mulej. 13 “La taħqarx lil għajrek, u lanqas tisirqu; il-ħlas tal-ħaddiem mikri ma jibqax għandek sa filgħodu. 14 “La tisħetx lit-trux, u la tqegħidx tfixkil quddiem l-agħma; imma tibża’ minn Alla tiegħek: Jiena l-Mulej. 15 “La tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir; lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu; imma tagħmel ħaqq mill-proxxmu tiegħek fis-sewwa. 16 “Tmurx ixxerred qlajja’ fuq niesek, u tqumx kontra demm għajrek: Jiena l-Mulej. 17 “La tbejjitx lil ħuk f’qalbek, imma lil għajrek wissih u erġa’ wissih, biex ma tkunx ħati tiegħu. 18 “La titħallasx b’idejk, u la żżommx f’qalbek għal ulied niesek, imma ħobb lil għajrek bħalek innifsek: Jiena l-Mulej. 19 “Ħares il-liġijiet tiegħi. Il-bhejjem tiegħek iżżewwiġhomx ma’ bhejjem ta’ ġens ieħor; l-għalqa tiegħek tiżragħhiex b’żerriegħa mħallta; u tilbisx ilbies b’ħajt imħallat. 20 “Jekk raġel jimtedd ma’ mara lsira, imgħarrsa ma’ raġel ieħor, bla ma tkun mifdija jew meħlusa, ikkastigahom; iżda tagħtihomx il-mewt, billi l-mara ma tkunx ħielsa. 21 Ir-raġel joffri sagrifiċċju lill-Mulej b’riparazzjoni quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa; iġib muntun b’riparazzjoni. 22 U l-qassis jagħmel l-espjazzjoni bil-muntun tar-riparazzjoni quddiem il-Mulej għad-dnub li jkun għamel dak li jkun, u hekk jinħafirlu dnubu. 23 “Meta tkunu dħaltu fl-art u ħawwiltu siġar ta’ kull xorta ta’ ikel, il-frott tagħhom ipprojbit għalikom, bħallikieku mhux maħtun, u jibqa’ pprojbit għalikom għal tliet snin, u ma tistgħux tieklu minnu. 24 Fir-raba’ sena, il-frott kollu jkun imqaddes, b’offerta f’ġieħ il-Mulej. 25 Fil-ħames sena tieklu l-frott, u hekk tiżdidilkom il-ġabra: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 26 “La tiklux laħam bid-demm. La tagħmlux taħbir jew sħarijiet. 27 La taqtgħux xagħarkom dawra tond, u anqas taqtgħu truf leħjitkom. 28 “Tqattgħux ġisimkom għall-mejjet, u anqas tpinġu tpinġija fuqkom: Jiena l-Mulej. 29 “La tkasbarx lil bintek billi twaqqagħha fiż-żina, u hekk ma tiżnix artek u timtela bil-faħx. 30 “Ħares is-Sibtijiet tiegħi, u agħti ġieħ lis-santwarju tiegħi: Jiena l-Mulej. 31 “La tmurx għand is-saħħara li jsejħu l-erwieħ u la tfittxux lil min jeħber; la tiċċappsux bihom: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 32 “Qum quddiem ix-xiħ, b’xagħru abjad, u agħtih qima u ibża’ minn Alla tiegħek: Jiena l-Mulej. 33 “Jekk jiġi jgħammar miegħek f’artek il-barrani, la taħqrux. 34 Ikun għalikom il-barrani bħal wieħed ta’ ġewwa; ħobbu bħalek innifsek, għax barranin kontu fl-art tal-Eġittu: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 35 “La tqarraqx fil-ħaqq, fil-qjies, fl-użin u fil-kejl. 36 Ikollkom miżien sewwa, piż sewwa, efa sewwa u ħinn sewwa. “Jiena l-Mulej Alla tagħkom li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu. 37 Ħarsu l-liġijiet kollha u d-digrieti kollha tiegħi u qisu li tagħmluhom: Jiena l-Mulej.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society