LEVITIKU 18 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 18 Relazzjonijiet sesswali pprojbiti 1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 3 La tagħmlux bħalma jagħmlu fl-art tal-Eġittu fejn kontu tgħammru, u tagħmlux bħalma jagħmlu fl-art ta’ Kangħan li se nġibkom fiha; timxux skont il-liġijiet tagħhom. 4 Agħmlu skont id-digrieti tiegħi, u ħarsu l-liġijiet tiegħi, u imxu fuqhom. Jiena l-Mulej Alla tagħkom. 5 Ħarsu l-liġijiet u d-digrieti tiegħi; il-bniedem li jagħmilhom ikollu l-ħajja bihom. Jiena hu l-Mulej. 6 “Ħadd ma għandu jersaq lejn ebda qariba tiegħu biex jikxef l-għera tagħha. Jien hu l-Mulej. 7 “La tikxifx l-għera ta’ missierek, jew l-għera ta’ ommok, għax dik hi ommok; la tikxfilhiex għeritha. 8 “La tikxifx l-għera ta’ mart missierek, għax dik hi l-għera ta’ missierek. 9 “La tikxifx l-għera ta’ oħtok, bint missierek, jew bint ommok, imwielda d-dar jew barra. 10 “La tikxifx l-għera ta’ bint ibnek, jew bint bintek, għax hi l-għera tiegħek. 11 “La tikxifx l-għera ta’ bint il-mara ta’ missierek, imwielda minn missierek, għax hi oħtok; tikxfilhiex għeritha. 12 “La tikxifx l-għera ta’ oħt missierek, għax hi qariba ta’ missierek. 13 “La tikxifx l-għera ta’ oħt ommok, għax hi qariba ta’ ommok. 14 “La tikxifx l-għera ta’ ħu missierek, jiġifieri la tersaqx lejn martu, għax hi z-zija tiegħek. 15 “Tikxifx l-għera ta’ mart ibnek, għax hi mart ibnek; tikxifx għeritha. 16 “La tikxifx l-għera ta’ mart ħuk, għax hi l-għera ta’ ħuk. 17 “La tikxifx l-għera ta’ mara u ta’ bintha; anqas ma għandek tieħu bint binha, jew bint bintha, għax tikxef l-għera tagħha; għax huma qraba u tkun ħaġa faħxija. 18 “Tiħux b’mara ’l oħt martek b’rivali tagħha, u tikxef l-għera tagħha, meta l-oħra tkun għadha ħajja. 19 “La tersaqx lejn mara mniġġsa fi żmienha, biex tikxef l-għera tagħha. 20 “La timteddx mal-mara ta’ għajrek, u hekk titkasbar magħha. 21 “La tħalli ’l ħadd minn nislek jgħadduh min-nar f’ġieħ Molek, u hekk ma żżeblaħx l-isem ta’ Alla tiegħek. Jiena l-Mulej. 22 “La timteddx ma’ raġel, bħalma timtedd ma’ mara; għax hi ħaġa moqżieża. 23 “La timtedd ma’ ebda bhima biex titkasbar magħha; u lanqas mara ma għandha tersaq quddiem bhima biex titħallat magħha, għax hi ħaġa faħxija. 24 “La titkasbru b’ebda ħaġa minn dawn, għax b’dawn il-ħwejjeġ tkasbru l-ġnus li jien se nkeċċihom minn quddiemkom. 25 Tkasbret l-art, u jien ikkastigajtha minħabba ħżunitha, u beżqet ’il barra lil min kien jgħammar fiha. 26 “Imma intom għandkom tħarsu l-liġijiet u d-digrieti tiegħi, u ma tagħmlu xejn minn dawn il-qżiżijiet kollha, sew min hu tal-post sew il-barranin f’nofskom. 27 Għaliex dawn il-qżiżijiet kollha għamluhom in-nies tal-art, li kien hemm qabilkom, u b’hekk tkasbret l-art. 28 Hekk l-art ma tobżoqkomx talli tkunu kasbartuha, bħalma beżqet il-ġens ta’ qabilkom. 29 Kull min jagħmel minn dawn il-qżiżijiet kollha jkun maqtugħ mill-poplu tiegħu. 30 “Ħarsu mela l-preskrizzjonijiet tiegħi biex ma teħdux id-drawwiet moqżieża li kellhom in-nies ta’ qabilkom u titħammġu bihom. “Jiena l-Mulej Alla tagħkom.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society