Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 17 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 17 Il-liġi tal-qdusija

1 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

2 “Kellem lil Aron, u ’l uliedu, u lil ulied Iżrael kollha, u għidilhom: Dan hu li jordnalkom il-Mulej:

3 Kull raġel minn dar Iżrael li joqtol gendus, nagħġa, jew mogħża, ġewwa jew barra l-kamp,

4 u ma jġibhiex f’bieb it-tinda tal-laqgħa b’offerta lill-Mulej quddiem l-għamara tal-Mulej, ikun ħati tad-demm, għax ikun xerred id-demm. Dan ir-raġel ikun maqtugħ mill-poplu tiegħu.

5 Għalhekk ulied Iżrael għandhom iġibu l-vittmi tagħhom, li soltu joqtlu fir-raba’, u jeħduhom lill-Mulej quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa għand il-qassis, u joqtluhom u joffruhom b’sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej.

6 U jxerred il-qassis id-demm fuq l-artal tal-Mulej, biswit il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u jaħraq ix-xaħam b’riħa tfuħ lill-Mulej.

7 U ma joqtlux aktar il-vittmi u joffruhom lis-satiri, li marru u żnew magħhom. Din tkun liġi għal dejjem għalihom u għal nisilhom.

8 “Għidilhom ukoll: Kull bniedem mid-dar ta’ Iżrael u mill-barranin, li jkunu joqogħdu f’nofskom, li jkun se joffri sagrifiċċju tal-ħruq jew xi sagrifiċċju ieħor,

9 u ma jġibux quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa biex joffrih lill-Mulej, dan il-bniedem ikun maqtugħ mill-poplu tiegħu.

10 “Kull bniedem mid-dar ta’ Iżrael, jew mill-barranin, li jkunu joqogħdu f’nofskom, li jieklu kull xorta ta’ demm, jien indawwar wiċċi kontra tiegħu għax ikun kiel id-demm, u naqtgħu minn nofs il-poplu tiegħu.

11 Għax ħajjet il-laħam hi fid-demm, u jien tajthulkom għal fuq l-artal biex tagħmlu bih l-espjazzjoni għalikom. Għaliex bid-demm, li hu l-ħajja, issir l-espjazzjoni.

12 Għalhekk għedt lil ulied Iżrael: ‘Ħadd minn fostkom ma għandu jiekol id-demm; u anqas il-barrani li jkun jgħammar f’nofskom ma għandu jieklu d-demm.’

13 “Kull wieħed minn ulied Iżrael u kull barrani li jgħammar f’nofskom, li jmur għall-kaċċa u jaqbad xi bhima selvaġġa jew tajra li tista’ tittiekel, għandu jxerred demmha u jgħattih bit-trab;

14 għaliex il-ħajja tal-laħam hi fid-demm li hemm fih; għalhekk għedt lil ulied Iżrael: ‘La tiklux id-demm ta’ ebda laħam; għax il-ħajja ta’ kull laħam hi f’demmu u min jiekol minnu jinqata’ ’l barra.’

15 “Kull bniedem, sew tal-post sew barrani, li jiekol minn bhima mejta jew żbranata, għandu jaħsel ħwejġu u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija; u mbagħad ikun nadif.

16 U jekk ma jaħsilx ħwejġu, u ma jinħasilx, ikun ħati ta’ ħżunitu.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy