Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 16 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 16 Jum l-espjazzjoni

1 U l-Mulej kellem lil Mosè wara l-mewt taż-żewġ ulied ta’ Aron, li kienu mietu huma u resqin lejn il-Mulej.

2 U l-Mulej qal lil Mosè: “Għid lil ħuk Aron, li mhux f’kull waqt u żmien jista’ jidħol fis-santwarju ’l ġewwa mill-velu quddiem l-għatu tal-arka, inkella jmut; għax jien nidher fi sħaba fuq l-għatu.

3 U meta Aron jidħol fis-santwarju jagħmel hekk: joffri għoġol b’purifikazzjoni u muntun f’sagrifiċċju tal-ħruq;

4 jilbes tonka mqaddsa tal-għażel, u qalziet minn taħt fuq il-laħam, terħa tal-għażel ma’ ġenbejh, u turbant tal-għażel fuq rasu; ilbies imqaddes li jilbsu wara li jkun inħasel fl-ilma.

5 U jieħu mingħand il-ġemgħa ta’ wlied Iżrael żewġ bdabad għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u muntun għas-sagrifiċċju tal-ħruq.

6 “U Aron iressaq l-għoġol tiegħu għall-purifikazzjoni, u jagħmel l-espjazzjoni għalih stess u għal daru.

7 Imbagħad jieħu ż-żewġ bdabad u jġibhom quddiem il-Mulej fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa,

8 u jitfa’ x-xorti fuq iż-żewġ bdabad, waħda għall-Mulej u l-oħra għal Għażażel.

9 U Aron imbagħad joffri l-bodbod li fuqu titla’ x-xorti għall-Mulej, u joffrih b’sagrifiċċju ta’ purifikazzjoni.

10 U l-bodbod għas-sagrifiċċju tal-ħruq, li tkun telgħetlu x-xorti għal Għażażel, iżżommuh ħaj u jġibuh quddiem il-Mulej, biex jagħmlu l-espjazzjoni fuqu, u mbagħad jitilqu għal għand Għażażel fid-deżert.

11 “U mbagħad Aron joffri l-għoġol tiegħu għall-purifikazzjoni u jagħmel l-espjazzjoni għalih u għal daru; u joqtol l-għoġol għall-purifikazzjoni tiegħu stess

12 u mbagħad jieħu minn fuq l-artal iċ-ċensier mimli bil-ġamar jaqbad minn quddiem il-Mulej, u żewġ qabdiet ta’ id inċens ifuħ, imfarrak trab, u jidħol bih ’l hemm mill-velu.

13 U jixħet l-inċens ifuħ fin-nar quddiem il-Mulej biex sħaba tgħatti l-għatu ta’ fuq l-arka tax-xhieda miktuba, biex ma jmutx.

14 U mbagħad jieħu mid-demm tal-għoġol, u jroxx b’sebgħu fuq l-għatu minn quddiem, u jroxx id-demm b’sebgħu seba’ darbiet quddiem l-għatu.

15 “Imbagħad joqtol il-bodbod tal-purifikazzjoni għall-poplu, u jidħol b’demmu ’l ġewwa mill-velu, u jagħmel b’demmu kif għamel bid-demm tal-għoġol, u jroxxu fuq l-għatu u quddiem l-għatu.

16 U hekk inaddaf is-santwarju mit-tinġis ta’ wlied Iżrael u mill-ħtijiet ta’ kull dnub tagħhom; u jagħmel l-istess lit-tinda tal-laqgħa, li tinsab f’nofshom, f’nofs it-tingiż tagħhom.

17 Ħadd ma għandu jkun fit-tinda tal-laqgħa minn xħin jidħol il-qassis biex jagħmel l-espjazzjoni sakemm joħroġ; u jagħmel l-espjazzjoni għalih stess, għal daru, u għall-ġemgħa kollha ta’ Iżrael.

18 U joħroġ għal ħdejn l-artal li hemm quddiem il-Mulej, u jagħmel l-espjazzjoni għalih, u jieħu minn demm l-għoġol u minn demm il-bodbod, u jqiegħed minnu fuq il-qrun tal-artal dawramejt.

19 “U jroxx fuqu b’sebgħu mid-demm għal seba’ darbiet, u jqaddsu u jnaddfu mit-tinġis ta’ wlied Iżrael.

20 “Malli jtemm l-espjazzjoni għas-santwarju, it-tinda tal-laqgħa u l-artal, iressaq il-bodbod ħaj.

21 U jqiegħed Aron idejh it-tnejn fuq ras il-bodbod ħaj, u jistqarr fuqu l-ħażen kollu ta’ wlied Iżrael, id-dnubiet kollha tagħhom, u l-ħtijiet kollha tagħhom, u jgħaddihom għal fuq ras il-bodbod, u jitilqu għad-deżert permezz ta’ raġel magħżul apposta.

22 U l-bodbod iġorr fuqu l-ħażen kollu f’art imwarrba u r-raġel jitlaq il-bodbod fid-deżert.

23 “Aron imbagħad jidħol fit-tinda tal-laqgħa u jneħħi minn fuqu l-ilbies tal-għażel li kien liebes meta daħal fis-santwarju u jħallihom hemm.

24 Jinħasel bl-ilma fil-post imqaddes u jilbes ħwejġu, imbagħad joħroġ u joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq tiegħu, u s-sagrifiċċju tal-ħruq tal-poplu, u jagħmel l-espjazzjoni għalih stess u għall-poplu.

25 U x-xaħam tal-vittma tal-purifikazzjoni jaħarqu fuq l-artal.

26 U dak li jkun telaq il-bodbod għal għand Għażażel jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u mbagħad jidħol fil-kamp.

27 L-għoġol tal-purifikazzjoni u l-bodbod tal-purifikazzjoni, li demmhom kien meħud għall-espjazzjoni fis-santwarju, jeħduhom ’il barra mill-kamp u hemm jaħarqu bin-nar il-ġlud, il-laħam u l-ħmieġ tagħhom;

28 u min jaħraqhom jaħsel ħwejġu, u jinħasel kollu bl-ilma, u mbagħad jidħol fil-kamp.

29 “Din tkun liġi għalikom għal dejjem: fis-seba’ xahar, fl-għaxra tax-xahar, tgħakksu ruħkom u ma tagħmlu ebda xogħol, la n-nies tal-pajjiż u lanqas il-barranin li jkunu jgħammru f’nofskom.

30 Għax f’dan il-jum issir l-espjazzjoni biex titnaddfu minn kull ħtija quddiem il-Mulej.

31 “Ikun mistrieħ kbir għalikom u tgħakksu ruħkom: liġi għal dejjem.

32 “L-espjazzjoni jagħmilha l-qassis, li jkun midluk u kkonsagrat biex iservi ta’ qassis wara missieru; jilbes l-ilbies tal-għażel, l-ilbies ikkonsagrat,

33 u jagħmel l-espjazzjoni għas-santwarju, u t-tinda tal-laqgħa, u l-artal, u jagħmilha wkoll għall-qassisin u għall-poplu tal-ġemgħa.

34 “Din tkun liġi għal dejjem għalikom, biex issir l-espjazzjoni għal ulied Iżrael u jitnaddfu minn dnubiethom darba fis-sena.” U Mosè għamel skont ma kien ordnalu l-Mulej.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy