LEVITIKU 15 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 15 L-indafa tal-ġisem 1 U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron, u qalilhom: 2 “Kellmu lil ulied Iżrael u għidulhom: Raġel li jkollu nxija minn ġismu jkun mniġġes minħabba din l-inxija; 3 u l-inġiesa li jkollu minħabba din l-inxija, sew jekk tibqa’ tnixxi minn ġismu sew jekk iżżomm, jibqa’ mniġġes biha. 4 Kull friex li jimtedd fuqu l-marid bl-inxija jkun imniġġes, u kull ħaġa li joqgħod bilqiegħda fuqha tkun imniġġsa. 5 U kull min imiss friexu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ imniġġes sa filgħaxija. 6 U kull min joqgħod bilqiegħda fejn ikun qagħad bilqiegħda l-marid bl-inxija, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 7 U min imiss il-ġisem tal-marid bl-inxija, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 8 U jekk il-marid bl-inxija jobżoq fuq xi ħadd safi, dan jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 9 Kull mirkeb li jirkeb fuqu l-marid bl-inxija, ikun imniġġes. 10 U kull min imiss xi ħaġa li tkun taħtu jitniġġes sa filgħaxija; min imbagħad iġorrha, għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 11 Kull min imissu l-marid bl-inxija, u ma jkunx ħasel idejh bl-ilma, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 12 Kull ħaġa tal-fuħħar li jmissha l-marid bl-inxija għandha titkisser, u kull ħaġa tal-injam titlaħlaħ bl-ilma. 13 “Meta l-marid iħossu mfejjaq mill-inxija, jgħodd sebat ijiem minn meta jfiq, u jaħsel ħwejġu, u jaħsel ġismu bl-ilma ġieri, u jitnaddaf. 14 U fit-tmien jum jieħu żewġ gamimiet, jew par bċieċen tal-ħamiem, u jmur quddiem il-Mulej, quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa u jagħtihom lill-qassis. 15 U l-qassis il-wieħed joffrih sagrifiċċju għall-purifikazzjoni, u l-ieħor sagrifiċċju tal-ħruq, u hekk il-qassis jagħmel espjazzjoni għalih quddiem il-Mulej għall-inxija tiegħu. 16 “Meta wieħed ikollu tixrid iż-żerriegħa, jaħsel ġismu kollu bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 17 U l-biċċa ħwejjeġ jew ġild, li ż-żerriegħa tixxerred fuqha, jaħsilha bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 18 U l-mara li jersaq lejha raġel b’tixrid iż-żerriegħa, jinħaslu t-tnejn bl-ilma u jibqgħu mniġġsa sa filgħaxija. 19 “Il-mara li jkollha l-inxija tad-demm f’ġisimha, tibqa’ fi żmienha għal sebat ijiem, u kull min imiss magħha jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 20 U kulma timtedd jew toqgħod fuqu meta tkun imniġġsa, jitniġġes. 21 U kull min imiss friexha, għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 22 Kull min imiss xi ħaġa li fuqha tkun bilqiegħda, jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 23 Jekk ikun fuq il-friex jew fuq xi ħaġa li fuqha tkun bilqiegħda hi meta jmissha, jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 24 Jekk imbagħad jimtedd magħha xi raġel, dan jitniġġes bl-inxija tagħha, u jibqa’ mniġġes għal sebat jiem, u kull friex li jimtedd fuqu jitniġġes. 25 “Il-mara li jkollha nxija ta’ demm għal ħafna jiem barra minn żmienha, jew aktar mis-soltu, sakemm iddum din l-inxija tkun imniġġsa, bħal fi żmienha; 26 u kull friex li timtedd fuqu, kemm iddum l-inxija, ikun bħal fi żmienha; u kulma toqgħod fuqu, ikun imniġġes bħall-friex fi żmienha. 27 U kull min imisshom jitniġġes, u għandu jaħsel ħwejġu, u jinħasel bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. 28 “Meta mbagħad tissaffa mill-inxija tagħha, tgħodd sebat ijiem, u wara dan tkun imnaddfa. 29 Fit-tmien jum tieħu żewġ gamimiet, jew par bċieċen tal-ħamiem, u teħodhom għand il-qassis, quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. 30 U l-qassis joffri wieħed minnhom b’sagrifiċċju għall-purifikazzjoni u l-ieħor b’sagrifiċċju tal-ħruq; u hekk il-qassis jagħmel espjazzjoni għaliha quddiem il-Mulej għall-inġiesa tal-inxija tagħha. 31 “Hekk inti żżomm lil ulied Iżrael ’il bogħod mit-tinġis tagħhom, u ma jniġġsux bl-inġiesa tagħhom l-għamara tiegħi li hemm f’nofshom, u jmutu.” 32 Din hi l-liġi għal min jitniġġes bl-inxija jew tixrid iż-żerriegħa, 33 għall-marida fi żmienha, għal min għandu l-inxija, raġel jew mara, u għal raġel li jimtedd ma’ mara mniġġsa.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society