Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 14 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 14 Il-purifikazzjoni tal-imġiddem

1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

2 “Din hi l-liġi għall-imġiddem meta jitnaddaf; iġibuh għand il-qassis.

3 U joħroġ il-qassis barra l-kamp u jarah. Jekk isib li l-ġerħa tal-ġdiem marret mill-imġiddem,

4 jordna li jġibu għal min se jitnaddaf żewġ għasafar ħajjin u safjin, għuda taċ-ċedru, biċċa tal-iskarlatt u żuf.

5 Imbagħad il-qassis jgħidilhom biex joqtlu wieħed mill-għasafar fuq xi ħaġa tal-fuħħar mimlija bl-ilma ġieri;

6 u jaqbad l-għasfur ħaj, l-għuda taċ-ċedru, u ż-żuf, u jbillhom - l-għasfur ħaj ukoll - fid-demm tal-għasfur maqtul fuq l-ilma ġieri.

7 U jroxx seba’ darbiet lil min se jitnaddaf mill-ġdiem, u jiddikjarah li tnaddaf; u jitlaq l-għasfur ħaj fir-raba’.

8 U min ikun tnaddaf jaħsel ħwejġu, iqaxxar xagħru kollu, jinħasel bl-ilma, u jitnaddaf; u mbagħad jista’ jidħol fil-kamp, imma jibqa’ sebat ijiem barra mill-għarix tiegħu.

9 U fis-seba’ jum iqaxxar ix-xagħar kollu ta’ rasu, il-leħja, u ħuġbejn għajnejh; iqaxxar xagħru kollu, jaħsel ħwejġu, jaħsel ġismu bl-ilma, u hekk jitnaddaf.

10 Fit-tmien jum jieħu żewġ ħrief bla difett u ħarufa bla difett, u tas-sena, u offerta tal-qmuħ, tlieta minn għaxra smid miblula fiż-żejt, u log żejt.

11 U l-qassis li jkun inaddaf, flimkien mar-raġel li jkun jitnaddaf, iqegħedhom quddiem il-Mulej fid-dħul tat-tinda tal-laqgħa.

12 U l-qassis jieħu wieħed mill-ħrief, u joffrih bħala sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, u l-log żejt, u jgħollihom u jxejjirhom quddiem il-Mulej.

13 U joqtol il-ħaruf fejn joqtlu l-vittma tar-riparazzjoni u dik tal-ħruq, jiġifieri fil-post imqaddes, għaliex il-vittma tar-riparazzjoni, bħall-vittma tal-purifikazzjoni, tmiss lill-qassis, u hi ħaġa l-aktar qaddisa.

14 Jieħu l-qassis mid-demm tal-vittma u jqiegħdu f’tarf il-widna l-leminija ta’ min se jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta’ idu l-leminija, u dak ta’ siequ l-leminija.

15 Imbagħad il-qassis jieħu mil-log żejt, u jsawbu fuq idu x-xellugija;

16 ibill sebgħu ta’ idu l-leminija fiż-żejt li jkun f’idu x-xellugija u jroxx bih seba’ darbiet quddiem il-Mulej.

17 U miż-żejt li jkun baqa’ f’idu jqiegħed il-qassis fuq tarf il-widna l-leminija ta’ min se jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta’ idu l-leminija, u fuq sebgħu l-kbir ta’ siequ l-leminija, fuq demm il-vittma tar-riparazzjoni;

18 il-bqija taż-żejt, li jibqa’ f’idu, isawbu fuq ras min se jitnaddaf u hekk il-qassis itemm għalih l-espjazzjoni quddiem il-Mulej.

19 Imbagħad l-istess qassis joffri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, biex ipatti għal dak li se jitnaddaf mill-inġiesa tiegħu, u mbagħad joqtol il-vittma għas-sagrifiċċju tal-ħruq.

20 Il-qassis joffri s-sagrifiċċju tal-ħruq u l-offerta tal-qmuħ fuq l-artal, u hekk ipatti għall-marid u dan jindaf.

21 “Jekk ikun fqir u ma jwassalx biex jagħti daqshekk, jieħu ħaruf wieħed għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni biex joffrih u jxejru għall-espjazzjoni għalih innifsu, waħda minn għaxra ta’ smid miblul fiż-żejt bħala offerta tal-qmuħ u log żejt.

22 U żewġ gamimiet jew żewġ ħamimiet skont ma jiflaħ, waħda għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq.

23 U jġibhom fit-tmien jum tat-tindif tiegħu għand il-qassis fil-bieb tat-tinda tal-laqgħa quddiem il-Mulej.

24 U l-qassis jieħu l-ħaruf għas-sagrifiċċju tar-riparazzjoni u l-log żejt, u jgħollihom u jxejjirhom quddiem il-Mulej;

25 u mbagħad joqtol il-ħaruf tar-riparazzjoni; u l-qassis jieħu mid-demm tal-vittma tar-riparazzjoni u jqiegħed minnu fuq tarf il-widna l-leminija ta’ min ikun jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta’ idu l-leminija, u fuq sebgħu l-kbir ta’ siequ l-leminija.

26 Imbagħad il-qassis isawwab ftit żejt f’idu x-xellugija,

27 u b’sebgħu ta’ idu l-leminija jroxx minnu seba’ darbiet quddiem il-Mulej;

28 u l-qassis iqiegħed ftit miż-żejt li jkun f’idu fuq tarf il-widna l-leminija ta’ min ikun jitnaddaf, u fuq sebgħu l-kbir ta’ idu l-leminija u fuq sebgħu l-kbir ta’ siequ l-leminija f’post id-demm tal-vittma tar-riparazzjoni.

29 U ż-żejt li jibqa’ f’id il-qassis isawbu fuq ras min ikun jitnaddaf għall-espjazzjoni tiegħu quddiem il-Mulej.

30 Imbagħad miż-żewġ gamimiet jew mill-frieħ tal-ħamiem,

31 li jkun jista’ jagħti, jagħti waħda għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u l-oħra għas-sagrifiċċju tal-ħruq, barra mill-offerta tal-qmuħ; u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni quddiem il-Mulej għal min ikun jitnaddaf.

32 “Din hi l-liġi għal min ikollu l-marda tal-ġdiem u ma jkollux biżżejjed x’jagħti meta jitnaddaf.”


Il-ġdiem tad-dar

33 U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:

34 “Meta tkunu dħaltu fl-art ta’ Kangħan li se nagħtikom biex teħduha f’idejkom, u jien inkun bgħatt il-mard tal-ġdiem f’xi dar fl-art li tkun f’idejkom,

35 sid id-dar imur għand il-qassis u jgħidlu: ‘Jidhirli li tfaċċa l-mard fid-dar tiegħi.’

36 Il-qassis imbagħad jordna li jbattlu d-dar minn kulma jkun fiha qabel ma jmur jaraha, biex ma jitniġġisx kulma jkun hemm fiha; imbagħad imur il-qassis jara d-dar.

37 Jekk jara l-mard fil-ħitan tad-dar bħal ħofor jagħtu fl-aħdar jew l-aħmar, qishom imħaffrin fil-ħajt,

38 il-qassis joħroġ ’il barra mill-bieb tad-dar, u jagħlaq id-dar għal sebat ijiem.

39 Fis-seba’ jum il-qassis jerġa’ jmur, jaraha, u jekk isib li l-mard infirex mal-ħitan tad-dar,

40 il-qassis jordna li jaqilgħu l-ġebel li jkun fih il-mard, u jitfgħuh ’il barra mill-belt f’xi post imniġġes.

41 Imbagħad joborxu d-dar dawramejt u jitfgħu t-trab tal-brix barra l-belt f’post imniġġes.

42 Jieħdu ġebel ieħor, u jqegħduh flok l-ieħor, u jieħdu trab ieħor u jkaħħlu bih fid-dar.

43 “Jekk wara li jkunu neħħew il-ġebel, barxuha u kaħħluha, jerġa’ jitfaċċa l-mard u jinfirex mad-dar,

44 imur il-qassis jaraha, u jekk jara li ħareġ il-mard fid-dar, dan ikun ġdiem li jherri d-dar, u din tkun imniġġsa.

45 U jħottu d-dar u jġorru ’l barra mill-belt il-ġebel, l-injam, u t-trab kollu tad-dar f’post imniġġes.

46 Kull min jidħol fid-dar fiż-żmien kollu li tkun magħluqa, ikun imniġġes sa filgħaxija.

47 Min jorqod jew jiekol fid-dar, ikollu jaħsel ħwejġu.

48 Imma jekk il-qassis imur, u jara sewwa, u jsib li l-marda ma nfirxitx mad-dar wara t-tikħil tad-dar, il-qassis jiddikjara d-dar nadifa, għax tkun ħelset mill-marda.

49 Għall-purifikazzjoni tad-dar, jieħu żewġ għasafar, għuda taċ-ċedru, biċċa skarlatt, u żuf;

50 u joqtol wieħed mill-għasafar fuq xi ħaġa tal-fuħħar bl-ilma ġieri fiha;

51 jieħu l-għuda taċ-ċedru, u ż-żuf, u l-biċċa skarlatt u l-għasfur il-ħaj u jbillhom fid-demm tal-għasfur il-maqtul, u fl-ilma ġieri, u jroxx id-dar seba’ darbiet.

52 Hekk ikun naddaf id-dar bid-demm tal-għasfur, bl-ilma ġieri, u bl-għasfur il-ħaj, u bl-għuda taċ-ċedru u ż-żuf, u l-biċċa skarlatt.

53 Imbagħad jitlaq l-għasfur il-ħaj jittajjar ’il barra mill-belt lejn ir-raba’. U meta jkun għamel din l-espjazzjoni, id-dar tkun imnaddfa.”

54 Din hi l-liġi għal kulmard tal-ġdiem u l-marda tal-falza,

55 il-ġdiem tal-ħwejjeġ u tad-dar,

56 għall-qxur, infafet, u tbajja’,

57 biex turikom meta ħaġa tkun imniġġsa, u meta tkun nadifa. U din hi l-liġi fil-każ tal-ġdiem.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy