LEVITIKU 13 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 13 Il-mard tal-ġilda 1 U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom: 2 “Meta xi ħadd ikollu fil-ġilda xi qxur jew xi bużżieqa, jew xi tebgħa bajda, qisha ġerħa tal-ġdiem, jeħduh għand Aron il-qassis, jew għand xi ħadd minn uliedu l-qassisin. 3 Il-qassis imbagħad jara l-ġerħa tal-ġilda tal-ġisem, u, jekk ix-xagħar ta’ ħdejn il-ġerħa jkun bjad u l-ġerħa tkun ’l isfel mill-ġilda, din tkun ġerħa tal-ġdiem, u l-qassis jarah sewwa, u jiddikjarah imniġġes. 4 Imma jekk it-tebgħa fil-ġilda tkun bajda, iżda mhux ’l isfel mill-ġilda, u x-xagħar ma jkunx bjad, il-qassis jagħlaq il-miġruħ għal sebat ijiem. 5 U jerġa’ l-qassis jarah fis-seba’ jum, u jekk isib li l-ġerħa baqgħet kif kienet, u ma nfexxetx fil-ġilda, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem oħra. 6 Imbagħad jerġa’ jarah fis-seba’ jum, u jekk isib li l-ġerħa ntfiet u ma nfexxetx fil-ġilda, jiddikjarah nadif għax tkun bużżieqa. U jaħsel ħwejġu u jindaf. 7 Imma jekk il-bużżieqa tinfexx fil-ġilda, wara li jkun rah il-qassis u għaddieh b’nadif, jerġa’ jidher quddiem il-qassis. 8 Jarah il-qassis, u jekk jara li l-ġerħa nfexxet fil-ġilda, jiddikjarah b’imniġġes, għax ikun ġdiem. 9 “Meta wieħed ikollu l-ġerħa tal-ġdiem, iġibuh quddiem il-qassis. 10 Imbagħad jarah il-qassis, u jekk ikun hemm qoxra bajda fil-ġilda, u bix-xagħar ġo fiha abjad, u l-fdal ta’ laħam ħaj, 11 dan ikun ġdiem li jkun ilu fil-ġilda ta’ ġismu, u l-qassis jiddikjarah b’imniġġes; imma ma jagħlqux, għax ikun imniġġes. 12 Jekk imbagħad il-ġdiem jixtered mal-ġilda, u jiksi l-ġilda kollha tal-marid, minn rasu sa saqajh, kull fejn jista’ jara l-qassis, 13 il-qassis jarah, u jekk il-ġdiem ikun jiksi l-ġilda kollha ta’ ġismu, jiddikjara l-marid nadif; għax ikun bjad għalkollox, u hu nadif. 14 Imma jekk jitfaċċa l-laħam il-ħaj, ikun imniġġes. 15 Malli l-qassis jara l-laħam il-ħaj, jiddikjarah imniġġes; għaliex il-laħam il-ħaj, sinjal tal-ġdiem, hu mniġġes. 16 Jekk imma l-laħam il-ħaj jgħib, u l-marid jerġa’ jibjad, għandu jmur għand il-qassis; 17 jekk il-qassis, meta jarah, isib li bjad, jiddikjarah nadif, u jkun imnaddaf. 18 “Wieħed li jkollu fil-ġilda ta’ ġismu nuffata, u jfiq minnha, 19 imma mbagħad flok in-nuffata titfaċċa qoxra bajda, jew tebgħa bajda tagħti fl-aħmar, għandu jidher quddiem il-qassis. 20 U malli jarah il-qassis u jsib li tkun ’l isfel mill-ġilda, u x-xagħar ikun bjad, jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem, li faqqset fin-nuffata. 21 Imma jekk il-qassis jaraha, u ma jsibx xagħar abjad, u ma tkunx ’l isfel mill-ġilda, imma tkun bjadet, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem, 22 u mbagħad, jekk it-tebgħa tinfirex mal-ġilda, il-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem. 23 Imma jekk it-tebgħa tibqa’ fejn kienet bla ma tinfirex, tkun l-għeluq tan-nuffata u għalhekk il-qassis jiddikjarah nadif. 24 “Jekk xi ħadd ikollu ħarqa bin-nar fil-ġilda, u l-għeluq tal-ħarqa jsir tebgħa bajda tagħti fl-aħmar jew bajda, 25 jaraha l-qassis, u jekk ix-xagħar fit-tebgħa jkun bjad u t-tebgħa tidher ’l isfel mill-ġilda, tkun ġdiem imfaqqas fil-ħarqa, u l-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem. 26 “Imma jekk jaraha l-qassis, u ma jkunx hemm fit-tebgħa xagħar abjad, u ma tkunx ’l isfel mill-ġilda, u lewnha jkun tefa, il-qassis jagħlqu għal sebat ijiem. 27 Imbagħad il-qassis jarah fis-seba’ jum, u jekk tkun infirxet fil-ġilda, il-qassis jiddikjarah imniġġes, għax tkun ġerħa tal-ġdiem. 28 Imma jekk it-tebgħa tibqa’ kif kienet u ma tkunx infirxet mal-ġilda, u tilfet lewnha, tkun il-fdal tal-ħarqa, u l-qassis jiddikjarah nadif, għax tkun l-għeluq tal-ħarqa. 29 “Jekk mara jew raġel ikollu f’rasu, jew fi lħitu, ġerħa, 30 għandu jaraha l-qassis, u jekk jara li tkun ’l isfel mill-ġilda, u bix-xagħar safrani u skars, il-qassis jiddikjarah imniġġes; għax ikollu l-falza, il-ġdiem tar-ras jew tal-leħja. 31 Imma jekk il-qassis jara l-ġerħa tal-falza, u ma tkunx tidher li tkun ’l isfel mill-ġilda, u ma jkunx hemm xagħar iswed fiha, il-qassis jagħlaq il-marid bil-falza għal sebat ijiem. 32 U mbagħad jara l-ġerħa fis-seba’ jum, u, jekk il-falza ma tkunx ġriet, u ma jkunx fiha xagħar iswed u ma tidhirx ’l isfel mill-ġilda, 33 il-marid jitqarweż - imma mhux fejn tkun il-falza - u l-qassis jagħlaq il-marid bil-falza għal sebat ijiem oħra. 34 Imbagħad il-qassis jerġa’ jara l-falza fis-seba’ jum, u jekk il-falza ma tkunx ġriet mal-ġilda, u ma tidhirx ’l isfel mill-ġilda, il-qassis jiddikjarah nadif; u dak jaħsel ħwejġu u jkun nadif. 35 Imma jekk il-falza, wara li jkun iddikjaraha nadifa, tiġri mal-ġilda, 36 jerġa’ jarah il-qassis, u jekk il-falza tkun ġriet mal-ġilda, ma għandux għalfejn il-qassis jara jekk ix-xagħar ikunx safrani; għax ikun imniġġes. 37 Jekk imbagħad jara li l-falza waqfet u tela’ x-xagħar iswed, il-marid ikun imfejjaq u nadif, u l-qassis jiddikjarah nadif. 38 “Raġel jew mara li jkollhom il-ġilda ta’ ġisimhom bi tbajja’ bojod, 39 jarahom il-qassis u jekk jarahom bojod u mitfija, ikun ħżież imfaqqas fil-ġilda; il-marid ikun nadif. 40 “Min jitlef ix-xagħar ta’ rasu, ikun qargħi, imma jkun nadif. 41 Jekk jaqagħlu minn fuq ġbinu, ikun fartas minn quddiem, imma nadif. 42 Iżda jekk ikollu fil-qurriegħa bla xagħar jew ġbinu bla xagħar, ġerħa bajda tagħti fl-aħmar, dan ikun ġdiem imfaqqas fil-qurriegħa jew ġbinu. 43 Għandu jarah il-qassis, u jekk jara li l-qoxra tal-ġerħa fil-qurriegħa jew fil-ġbin tkun bajda tagħti fl-aħmar, bħalma jidher fil-ġdiem tal-ġilda ta’ ġismu, 44 dan ikun bniedem imġiddem għalkollox u mniġġes, u l-qassis għandu jiddikjarah imġiddem; għax il-ġerħa tkun fir-ras. 45 “Il-marid bil-ġdiem għandu jilbes ħwejjeġ imqattgħa u jħalli rasu mikxufa, u jitgħatta sa geddumu, u jgħajjat: ‘Imniġġes! Imniġġes!’ 46 Kemm idum marid ikun miżmum b’imniġġes li hu, u jgħix waħdu f’postu barra mill-kamp. It-tingis tal-ilbies 47 “Meta biċċa lbies tibda tnawwar, sew jekk tkun tas-suf sew tal-għażel, 48 fil-medd jew fit-togħma, jew biċċa ġild jew xi ħaġa oħra tal-ġild, 49 jekk il-biċċa l-marida tkun ħadranija jew ħamranija, sew ilbies sew ġild, fil-medd jew fit-togħma, jew f’kull ħaġa oħra tal-ġild, din tkun tebgħa tat-tinwir u għandu jaraha l-qassis. 50 Meta jkun raha l-qassis, dan għandu jagħlaq il-biċċa mċappsa għal sebat ijiem; 51 imbagħad jerġa’ jaraha fis-seba’ jum, u jekk jara li t-tebgħa fl-ilbies xterdet, sew fil-medd sew fit-togħma, sew fil-ġild jew f’kull ħaġa oħra tal-ġild, din tkun tinwir li jġib il-ħsara; din hi mniġġsa. 52 U jaħraq il-biċċa mniġġsa, sew fil-medd sew fit-togħma, kemm tas-suf kemm tal-għażel, u kull ħaġa oħra tal-ġild li tkun imċappsa; għax dan ikun tinwir li jġib il-ħsara u għalhekk għandha tinqered bin-nar. 53 Imma jekk il-qassis jaraha u jsib li t-tinwir ma xteridx fl-ilbies, fil-medd jew fit-togħma, jew f’kull ħaġa oħra tal-ġild, 54 jordna li jaħslu l-biċċa mċappsa, u jagħlaqha għal sebat ijiem oħra. 55 Imbagħad il-qassis jerġa’ jara t-tinwir wara li jkunu ħasluha, u jekk jara li fl-għajn it-tinwir ma tbiddilx, għalkemm ma jkunx xtered, tkun imniġġsa, u għandek taħraqha fin-nar, sew jekk tkun imnawra mis-sewwa sew mill-maqlub. 56 Jekk il-qassis jaraha u jsib li l-lewn tat-tinwir ikun tefa wara li jkunu ħasluha, jaqta’ t-tebgħa mill-ilbies jew mill-ġild, mill-medd jew mit-togħma, u minn kull ħaġa oħra tal-ġild. 57 Imma jekk jerġa’ jidher it-tinwir fl-ilbies, fil-medd jew fit-togħma, u f’kull ħaġa oħra tal-ġild, ikun faqqas mill-ġdid, u għandek taħraq bin-nar it-tinwir kollu li jkun fiha. 58 Imma jekk l-ilbies, jew medd jew togħma, jew kull ħaġa oħra tal-ġild, taħsilhom u t-tinwir imur, erġa’ aħsilhom għat-tieni darba u jkunu ndaf.” 59 Din hi l-liġi għat-tinwir tal-ilbies tas-suf jew tal-għażel, tal-medd jew tat-togħma u ta’ kull ħaġa oħra tal-ġild, biex ikunu ddikjarati ndaf jew imniġġsa. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society