Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 12 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 12 L-inġiesa tal-ħlas

1 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

2 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: ‘Meta mara titqal u tiled tifel tibqa’ mniġġsa għal sebat ijiem, bħal meta tkun imniġġsa fi żmienha.

3 U fit-tmien jum tinħaten it-tarbija;

4 u l-omm iddum tlieta u tletin jum oħra biex tissaffa minn demmha; ma tmiss xejn li hu mqaddes, u ma tidħolx fis-santwarju, sakemm ma jgħaddix żmien it-tisfija tagħha.

5 U jekk tiled tifla, iddum imniġġsa għal ġimagħtejn, bħal meta tkun fi żmienha, u sitta u sittin jum ieħor biex tissaffa minn demmha.

6 U meta jgħaddi żmien it-tisfija tagħha, għal tifel jew għal tifla, iġġib ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u beċċun ta’ ħamiema jew gamiema għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u tagħtihom lill-qassis quddiem il-bieb tat-tinda tal-laqgħa.

7 U joffrihom quddiem il-Mulej, u jagħmel l-espjazzjoni għaliha u tissaffa mit-tnixxija ta’ demmha. “Din hi l-liġi għall-mara li tiled tifel jew tifla.

8 U jekk hi ma tlaħħaqx biex tagħti ħaruf, tieħu żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen tal-ħamiem, wieħed għall-ħruq u l-ieħor għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u hekk il-qassis jagħmel l-espjazzjoni għaliha u tissaffa.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy