Online Bible

- Reklamy -

LEVITIKU 11 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 11 Is-safa u t-tinġis tal-ikel

1 U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:

2 “Kellmu lil ulied Iżrael u għidulhom: Dawn huma l-annimali li tistgħu tieklu mill-bhejjem kollha ta’ fuq l-art;

3 kull bhima bid-dwiefer, bid-difer maqsum u tixtarr, tistgħu tieklu minnha.

4 Imma minn dawk li jixtarru, jew difrejhom maqsumin, ma tistgħux tieklu: il-ġemel, għax dan jixtarr, imma ma għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes;

5 il-fenek tax-xagħri, għax dan jixtarr, iżda m’għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes;

6 il-liebru, għax jixtarr imma ma għandux difrejh maqsumin, għalikom hu mniġġes;

7 il-ħanżir, għax għandu difrejh maqsumin, imma ma jixtarrx, għalikom hu mniġġes.

8 Tiklux minn laħamhom, anqas tmissu ġisimhom mejjet, għax għalikom huma mniġġsin.

9 “Minn kulma jgħix fl-ilma, dan li tistgħu tieklu: tistgħu tieklu minn kulma għandu l-ġwienaħ u l-qxur, fl-ilma tal-baħar jew tax-xmajjar.

10 Kulma hu bla ġwienaħ u bla qxur, fil-baħar jew fix-xmajjar, kulma jitħarrek fl-ilma u kull annimal li jgħix fl-ilma, hu qżież għalikom.

11 Moqżieża jkunu għalikom, tiklux minn laħamhom u għandkom tistkerrhu ġisimhom mejjet.

12 Kulma hu bla ġwienaħ u bla qxur fl-ilma, hu qżież għalikom.

13 “Mit-tjur dawn għandkom tistkerrhu, u ma għandkomx tieklu minnhom, għax moqżieża: l-ajkla, il-bugħadam, il-kuċċarda,

14 l-astur, kull xorta ta’ bies,

15 kull xorta ta’ ċawlun,

16 in-nagħma, il-kokka, il-barbaġann, is-seqer skont ġenshom,

17 il-barbaġann, il-margun, iż-żinna,

18 il-kwakk, il-pellikan, it-tiġieġa tal-baħar,

19 il-laqlâq, kull xorta ta’ russett, id-daqquqa tal-pinnaċċ u l-farfett il-lejl.

20 Kull insett li jtir u jimxi, id-dud kollu li jtir u jimxi fuq erba’ saqajn, ikun għalikom ħaġa moqżieża.

21 “Minn dawn tistgħu tieklu, mid-dud kollu li jtir u jimxi fuq erba’ saqajn u għandhom ’il fuq minn riġlejhom żewġ saqajn biex jaqbżu bihom fuq l-art.

22 Minnhom tistgħu tieklu l-ġradijiet ta’ kull xorta: il-ġrad b’rasu kbira, il-ġrad aħdar, il-ġrad tad-deżert, u s-sarsur.

23 Kull dud ieħor li jtir u għandu erba’ saqajn ikun moqżież għalikom.

24 Minn dawn titniġġsu; min imiss ġisimhom mejjet ikun imniġġes sa filgħaxija;

25 kull min jerfa’ xi wieħed minnhom mejjet għandu jaħsel ħwejġu u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija.

26 “Kull bhima li għandha d-dwiefer mhux maqsuma u ma tixtarrx, tkun għalikom imniġġsa; kull min imissha jitniġġes.

27 Kulma jimxi fuq qiegħ saqajh minn fost il-bhejjem li jimxu fuq erba’ saqajn, ikun għalikom imniġġes u kull min imiss ġismu mejjet ikun imniġġes sa filgħaxija.

28 Min jerfa’ ġisimhom mejjet għandu jaħsel ħwejġu u jkun imniġġes sa filgħaxija;

29 għax dawn il-bhejjem kollha mniġġsin. “U minn fost l-annimali li jitkaxkru fl-art dawn huma kollha mniġġsin: il-ballottra, il-far u kull ġens ta’ gremxul;

30 il-wiżgħa, il-kamaleonti, il-gremxul, ix-xaħmet l-art u t-talpa.

31 Minn fost l-annimali kollha li jitkaxkru fl-art, dawn huma kollha mniġġsa għalikom; min jersaq lejhom meta jmutu jkun imniġġes sa filgħaxija.

32 U jekk xi wieħed minnhom jaqa’ mejjet fuq xi ħaġa tal-injam, jew drapp, jew ġild, jew saqqu, jew xi għodda li biha wieħed jaħdem, jitfgħuha fl-ilma u tkun imniġġsa sa filgħaxija; imbagħad tindaf.

33 Jekk imbagħad jaqa’ f’xi ġarra tal-fuħħar, jitniġġes kulma jkun hemm fiha, u l-ġarra tkissruha.

34 Jekk ikun fiha l-ilma u jaqa’ fuq xi ikel, dan ukoll jitniġġes; kulma jista’ jinxtorob li jkun fih, jitniġġes.

35 Kull ħaġa li jaqa’ fuqha xi mejjet minnhom titniġġes; il-forn u l-kenur tfarrkuhom, għax huma jkunu mniġġsin; u mniġġsin ikunu għalikom.

36 L-għejun u l-bjar bl-ilma jibqgħu safja, iżda min imiss il-mejjet jitniġġes.

37 Jekk jaqa’ xi wieħed minnhom fuq iż-żerriegħa taż-żrigħ, din tibqa’ safja.

38 Imma jekk iż-żerriegħa tixxarrab bl-ilma, u jaqa’ fuqha xi mejjet minnhom, din tkun imniġġsa għalikom.

39 Jekk tmut xi bhima li tistgħu tieklu minnha, min imiss ġisimha mejjet jitniġġes sa filgħaxija.

40 Min jiekol minn ġisimha mejjet, għandu jaħsel ħwejġu u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija.

41 ‘Kull annimal li jitkaxkar fl-art ikun qżież għalikom; la tiklux minnu.

42 Kulma jimxi fuq żaqqu, u kulma jimxi fuq erba’ saqajn u aktar, imma jitkaxkar fl-art, la tiklux minnu, għax qżież għalikom.

43 La tiċċappsu b’ebda ħanex u titniġġsux bihom, għax titniġġsu intom ukoll.

44 “Jiena l-Mulej Alla tagħkom, għalhekk għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis, u ma għandkom titniġġsu b’ebda ħanex li jitkaxkar fl-art.

45 Għax jien il-Mulej, li tellajtkom mill-art tal-Eġittu biex inkun Alla tagħkom u intom tkunu qaddisin, għax jien qaddis.”

46 Din hi l-liġi fuq il-bhejjem u t-tjur, u kull ħaġa ħajja li żżiġġ fl-ilma, u kulma jitkaxkar fl-art,

47 biex tagħżlu bejn l-imniġġes u s-safi, u bejn il-bhejjem tajba għall-ikel u dawk li ma għandhomx jittieklu.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy