LEVITIKU 10 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 10 Nadab u Abiħu kkastigati 1 Ulied Aron, Nadab u Abiħu, ħadu ċensier kull wieħed, kebbsu n-nar u xeħtu fih l-inċens, u offrewh quddiem il-Mulej, nar profan li l-Mulej ma kienx ordnalhom. 2 U minnufih ħareġ nar minn quddiem il-Mulej, u kkunsmahom, u mietu quddiem il-Mulej. 3 U Mosè qal lil Aron: “Dan hu kliem il-Mulej meta tkellem u qal: Jien nuri qdusiti f’min joqrob lejja; u rrid nitweġġaħ quddiem il-poplu kollu.” U Aron baqa’ mbikkem. 4 Mosè sejjaħ lil Misael u lil Elsafan, ulied Għużżijel, iz-ziju ta’ Aron, u qalilhom: “Ersqu ’l hawn u ħudu lill-kuġini tagħkom minn quddiem il-post qaddis ’il barra mill-kamp.” 5 U resqu u ħaduhom bit-tonok b’kollox ’il barra mill-kamp kif qalilhom Mosè. 6 Imbagħad Mosè qal lil Aron u lil Elgħażar u lil Itamar, uliedu: “La tħabblux xagħar raskom, la ċċarrtux ħwejjiġkom, li ma tmutux u tiġbdu l-korla fuq il-ġemgħa kollha. Imma nieskom u l-poplu kollu ta’ Iżrael jistgħu jagħmlu l-vistu għall-qerda bin-nar li għamel il-Mulej. 7 La twarrbux minn ħdejn it-tinda tal-laqgħa, li ma tmutux; għax intom għandkom fuqkom iż-żejt tal-konsagrazzjoni tal-Mulej.” U għamlu kif qalilhom Mosè. Id-dmirijiet tal-qassisin 8 U l-Mulej kellem lil Aron u qallu: 9 “Inbid u xorb li jsakkar la tixrobx, int u wliedek miegħek, meta tidħlu fit-tinda tal-laqgħa, li ma tmutux. Din hi liġi għall-ġenerazzjonijiet kollha, 10 biex b’hekk tagħżlu bejn is-sagru u l-profan, u bejn l-imniġġes u s-safi; 11 u biex tgħallmu lil ulied Iżrael il-liġijiet kollha li tahom il-Mulej permezz ta’ Mosè.” 12 U Mosè kellem lil Aron, u lil uliedu li kienu baqgħu, Elgħażar u Itamar: “Ħudu l-offerta tal-qmuħ li baqa’ mis-sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej u kuluha bla ħmira ħdejn l-artal, għax ħaġa mill-aktar qaddisa hi. 13 Kuluha f’post imqaddes, għax bi dritt tmiss lilek, u lil uliedek, minn kull offerta maħruqa lill-Mulej, għax jien hekk kont ikkmandat. 14 Għandkom tieklu wkoll f’post qaddis is-sidra mxejra u s-sieq merfugħa b’offerta, int u wliedek subien u bniet, għax imissu lilek u lil uliedek bi dritt fuq kull sagrifiċċju tas-sliem ta’ wlied Iżrael. 15 Is-sieq merfugħa u s-sidra mxejra b’offerta u x-xaħam għall-ħruq, iġibuhom biex ixejruhom quddiem il-Mulej, u mbagħad jibqgħu għalik u għal uliedek bi dritt għal dejjem skont ma ordna l-Mulej.” 16 U Mosè fittex sewwa, u sab li l-bodbod tal-purifikazzjoni kien maħruq. Inkorla għal Elgħażar u għal Itamar, ulied Aron li kienu baqgħu, u qalilhom: 17 “Għaliex ma kiltux il-vittma tal-purifikazzjoni fil-post imqaddes? Din hi ħaġa mill-aktar qaddisa, mogħtija lilkom biex titgħabba bil-ħtijiet tal-ġemgħa b’espjazzjoni għalihom quddiem il-Mulej. 18 Ara, demmha ma nġibuhx ’il ġewwa nett fis-santwarju; kellkom tikluha fil-post qaddis, bħalma ordnajtilkom jien.” 19 Aron imbagħad qal lil Mosè: “Ara, illum offrew is-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-ħruq quddiem il-Mulej, u ġrali dan kollu; wara dan li ġrali, kieku llum kilt mill-vittma tal-purifikazzjoni, jaqaw kien dan sa jogħġob lill-Mulej?” 20 U meta Mosè sama’ dan kollu, deherlu li kien kollox sewwa. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society