Online Bible

- Reklamy -

KOLOSSIN 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 4

1 Intom, sidien, agħtu lill-ilsiera tagħkom il-ħaqq u s-sewwa, u kunu afu li intom ukoll għandkom sid fis-sema.


Eżortazzjoni

2 Żommu sħiħ fit-talb, ishru fih b’radd ta’ ħajr lil Alla.

3 Itolbu wkoll għalina, biex Alla jiftħilna l-bieb għall-kelma u nxandru l-misteru ta’ Kristu, li minħabba fih jien marbut bil-ktajjen.

4 Itolbu ħalli jiena nxandru u nitkellem fuqu kif għandi nitkellem.

5 Imxu bil-għaqal ma’ dawk li huma barranin għalina; inqdew tajjeb b’kull okkażjoni.

6 Ħa tkun dejjem il-kelma tagħkom kollha ħlewwa, imħawra bil-melħ tal-għerf, biex tkunu tafu twieġbu sewwa lil kulħadd.


L-aħħar tislijiet

7 Tikiku, ħija l-għażiż, il-qaddej fidil u ħaddiem miegħi fil-Mulej, jagħtikom aħbari.

8 Għalhekk jien bgħattu għandkom, biex tkunu tafu fiex ninsab u jqawwilkom qalbkom.

9 Bgħattu ma’ Oneżimu, ħija l-għażiż u fidil, u wieħed minnkom ukoll. Huma jgħarrfukom b’kulma qiegħed jiġri hawnhekk.

10 Isellmilkom Aristarku, fil-ħabs miegħi, u Marku, il-kuġin ta’ Barnaba - ġa għandkom l-ordnijiet dwaru; jekk jiġi għandkom ilqgħuh tajjeb -

11 u Ġożwè, li jgħidulu Ġustu. Dawn biss mil-Lhud li qegħdin jaħdmu miegħi għas-Saltna ta’ Alla, u huma ta’ faraġ kbir għalija.

12 Isellmilkom Epafra, wieħed minnkom, qaddej ta’ Kristu Ġesù; dejjem iħabrek għalikom fit-talb biex intom iżżommu ruħkom sħaħ, perfetti u mwettqin fir-rieda ta’ Alla.

13 Nixhidlu jien li hu jitħabat ħafna għalikom u għal dawk ta’ Laodiċija u dawk ta’ Ġerapoli.

14 Isellmilkom Luqa, it-tabib għażiż, u Dema.

15 Selluli għall-aħwa f’Laodiċija u għal Ninfa u l-knisja li tinġabar f’darha.

16 Meta tkunu qrajtu din l-ittra, ħudu ħsieb li jaqrawha wkoll fil-knisja ta’ Laodiċija u intom taqraw l-ittra ta’ Laodiċija.

17 Għidu lil Arkippu: Aħseb fil-ministeru li ħadt mill-Mulej, biex tagħmlu sewwa.

18 It-tislija tiegħi, b’idi stess, Pawlu. Ftakru fil-ktajjen tiegħi. Il-grazzja tkun magħkom.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy