KOLOSSIN 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 3 1 Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. 2 Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. 3 Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. 4 Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. 5 Mewtu ġo fikom dak kollu li hu tal-art: żina, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija. 6 Minħabba dan tilħaq il-korla ta’ Alla lil dawk li ma jobdux. 7 Hekk intom kontu timxu wkoll meta kontu tgħixu fihom. 8 Iżda issa intom ukoll ħallu kollox: korla, passjoni, ħażen, dagħa, u l-kliem mhux xieraq warrbuh minn fommkom. 9 Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, 10 u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skont ix-xbieha ta’ min ħalqu u jikber fl-għerf. 11 Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbaru jew Skita, ilsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd. 12 Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. 13 Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. 14 U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. 15 Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla. 16 Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla. 17 Kulma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu. Il-ħajja fil-familja nisranija 18 Intom, nisa miżżewġa, obdu lil żwieġkom, kif għandu jkun fil-Mulej. 19 Intom imbagħad, irġiel miżżewġa, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux iebsa magħhom. 20 Intom, tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan hu li jogħġob lill-Mulej. 21 Intom, missirijiet, la ddejqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom. 22 Intom, ilsiera, isimgħu f’kollox mis-sidien tagħkom bnedmin, mhux biex jarawkom huma u togħġbu lilhom, imma mill-qalb sempliċi tagħkom, għax tibżgħu mill-Mulej. 23 Kulma tagħmlu, agħmluh minn qalbkom bħallikieku lill-Mulej u mhux lill-bnedmin; 24 għax tafu li għad tieħdu l-ħlas li ħejja b’wirt għalikom il-Mulej. Aqdu lil Kristu Sidna. 25 Kull min jagħmel id-deni jitħallas tad-deni li jkun għamel, għax Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society